Lokali

“Il-Prim Ministru evita li jirrispondi l-mistoqsijiet tiegħi” – Oħt Chantelle Chetcuti

Ritratt: Steve Psaila

“Huwa ta’ uġigħ kbir meta tirrealizza illi meta familja mbikkma tikkomunika direttament mal-għola mexxej f’pajjiżna sabiex issib ġustizzja – il-mistoqsijiet ma kienux mwieġba kif xieraq”.

Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ oħt Chantelle Chetcuti, Stacey Camilleri, meta f’kitba li bgħata lil din il-kamra tal-aħbarijiet spjegat id-dulur li l-familja għaddejja minnha wara l-qtil brutali ta’ oħtha Chantelle.

Il-familja, għal darba, darbtejn ikkomunikat mal-Prim Ministru Robert Abela, sabiex tistaqsi dwar jekk hux se jkun qed jintroduċi timelines speċifiċi fi proċeduri kriminali u anke jekk hux se jkun qed jinnota r-rakomdandazzjoni li wassal ħu Bernice Cassar, Karsten Cilia. Fejn talab lill-Prim Ministru sabiex jirriforma s-sistema ġudizzjarja b’tali mod li l-akkużati ma jsibux mod kif inaqqsu l-piena ta’ priġunerija meta jammettu għar-reat li wettqu.

Minkejja t-talba ġenwina, u l-karba tal-familja Chetcuti, il-Prim Ministru għażel illi ma jweġibx – skont oħt Chantelle – b’mod onest, u għaldaqstant huwa diffiċli sabiex wieħed jemmen li l-Prim Ministru verament se jwettaq riforma f’dan ir-rigward.

Fi kliem Stacey Camilleri, l-akbar weġa’ hija l-fatt illi Robert Abela juri empatija pubblikament, iżda meta l-cameras jintfew, dawn il-familji rċievew biss silenzju, u l-kompassjoni li tidher fuq il-camera, fi kliem Camilleri – tisparixxi.

Fil-komunikat tagħha ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, oħt Chantelle Chetcuti spjegat illi din l-imġieba tqajjem dubju serju dwar id-drittijiet umani taħt Artikli 2,3 u 6 tal-Konvenżjoni għad-Drittijiet Umani tal-Unjoni Ewropea għad-dritt tal-ħajja, għad-dinjità u anke d-dritt għal proċess ġudizzjarju ġust u f’ħin raġjonevoli.

Stacey Camilleri spjegat, illi l-familja tagħha qed jgħixu f’biża’, 5 snin wara l-qtil brutali ta’ oħtha. Hekk kif b’weġa’ spjegat illi l-familja kulma qed tappella sabiex is-sistema ġudizzjarja tipproteġi lill-familji b’mod speċjali lil ulied Chantelle, li għal dawn l-aħħar snin għixu f’biża li jiltaqgħu mar-raġel li ammetta li qatel lil ommhom.

Chantelle Chetcuti inqatlet lura fl-2020, allegatament mill-eks maħbub tagħha Justin Borg. Huwa kien akkużat fil-Qorti kriminali li qatel lil Chantelle, iżda ngħata l-bail ftit xhur wara.

Ħames snin wara, il-familja għadha qed tistenna ġustizzja iżda l-Prim Ministru Robert Abela offrielhom biss email, b’sentenza waħda li ma tat l-ebda refuġju għall-weġa’ ta’ din il-familja.