Lokali Sport Waterpolo

Finali bejn Sirens u Sliema

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Stewart Said

WATERPOLO – ENEMED CUP

NEPTUNES BEST GYMS………….. 9

SIRENS BUILD FITNESS…………. 10

(1-2), (1-3), (3-2), (4-3)

Sirens Build Fitness se jilagħbu l-ewwel finali tal-Enemed Cup mill-2019. Aktar kmieni fil-kompetizzjoni huma kienu sfaw megħluba minn Neptunes 13-11 iżda din id-darba t-tim ta’ Ranko Perovic ħareġ rebbieħ u qata’ passaġġ lejn il-finali. Ironikament din kienet l-ewwel telfa ta’ Neptunes f’din l-edizzjoni u issa se jkollhom jikkuntentaw bil-logħba għat-tielet u r-raba’ post.

Doppjetta bikrija ta’ Mattias Ortoleva minn man-ups taw vantaġġ ta’ 2-0 lil Sirens, b’Stevie Camilleri naqqas id-distakk minn penalty. Wara li fit-tieni sessjoni Sirens fallew tliet okkażjonijiet ta’ superjorità numerika fosthom man-up doppja, Matthew Sciberras kabbar il-vantaġġ għal 4-1. Benji Lewis skorja għal Neptunes fl-aħħar sekondi tas-sessjoni iżda reġa’ kien Sciberras li wieġeb immedjatament.

Neptunes irnexxielhom jibqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni wara li spiċċaw 6-2 minn taħt. Man-up skorjat minn Lewis u penalty ta’ Stevie Camilleri qatgħu d-distakk min-nofs u wara li Sciberras skorja l-ħames gowl personali, reġa’ kien Lewis li skorja.

Sirens żammew il-vantaġġ żgħir b’għaqal fl-aħħar sessjoni hekk kif fi tliet okkażjonijiet, kabbru l-vantaġġ għal tliet gowls. Kien għad fadal ftit anqas minn nofs sessjoni. Neptunes fallew żewġ opportunitajiet ta’ man-up iżda Stevie Camilleri ħalla lil Neptunes jittamaw b’minuta u nofs għal tmiem. L-istess Camilleri naqqas id-distakk għal gowl 11-il sekonda mit-tmiem iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed għall-aħħar attakk.

Neptunes: M. Castillo, M. Lanzon, E. Mallia, L. Mallia, S. Mifsud, A. Cook, S. Camilleri (5), M. Castillo, R. Galea, J. Bajada, A. Fava, M. Azzopardi, M. Farrugia, B. Lewis (4)

Sirens: N. Grixti, P. Serracino, A. Galea, G. Pace, J. Zerafa Gregory (1), K. Agius, M. Ortoleva (2), I. Riolo (1), M. Mifsud, M. Sciberras (6), Z. Mizzi, A. Dimech, I. Schembri, N. Rafailovic

Referees: Ronnie Spiteri, Luca Iacovelli

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN………… 12

SLIEMA FRANK SALT……………… 24

(4-6), (3-6), (2-7), (3-5)

Sliema Frank Salt jinsabu pass bogħod mir-rebħ tal-Enemed Cup għar-raba’ darba. F’dik li kienet meqjusa bħala preludju għall-konfront bejniethom fiċ-Challenger Cup tal-European Aquatics il-ġimgħa d-dieħla, Sliema għamluha faċli għalihom infushom u ħadu kontroll sa mit-tieni sessjoni. Wieħed ma jridx jinsa li ż-żewġ timijiet ma kinux bl-aqwa formazzjoni minħabba plejers li bħalissa qed jilagħbu barra l-pajjiż. Għal San Ġiljan għamel id-debutt Marko Vavic.

Botta u risposta kkaratterizzaw l-ewwel sessjoni sakemm żewġ gowls ta’ Sliema fl-aħħar minuta minn Jake Cachia u Daniel Rizzo taw vantaġġ ta’ 6-4. Iż-żewġ gowls waslu minn azzjoni ta’ superjorità numerika. Dawn iż-żewġ gowls spiċċaw biex bidlu l-andament tal-logħba hekk kif Sliema kabbru l-vantaġġ għal 9-4 sa nofs it-tieni sessjoni.

It-tim ta’ Giannis Katrouzanakis mhux biss aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni iżda żied id-distakk. Tripletta ta’ Benji Cachia u gowls ta’ Julian Chircop, Liam Galea u Daniel Rizzo għamlu l-iskor 18-7. Il-logħba tilfet l-iskop tagħha b’Sliema setgħu jikkontrollaw mingħajr diffikultà sat-tmiem.

San Ġiljan: A. Muscat, D. Bugeja (1), M. Vavic (3), D. Tully, R. Caruana, M. Zammit (1), G. Bonavia (1), B. Plumpton (1), J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit (1), N. Schiavone (2), L. Dimech (1)

Sliema: B. Busuttil, S. Busuttil, L. Galea (6), M. Soler (1), J. Cassar, B. Cachia (4), G. Gatt, D. Rizzo (2), E. Schembri (2), J. Cachia (4), J. Chircop (1), D. Zammit (3), Z. Dzanovic, S. Engerer (1)

Referees: Massimo Angileri, Rob Bijeman

BIRŻEBBUĠA………………………. 10

VALLETTA PEAK INSURANCE….. 12

(1-3), (4-1), (3-5), (2-3)

Ġimagħtejn dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu u r-riżultat kien identiku iżda kienu Birżebbuġa li rebħu t-tliet punti. Din id-darba Valletta Peak Insurance ħarġu fuq in-naħa rebbieħa u rnexxielhom jiksbu l-ħames post fl-Enemed Cup ta’ din is-sena.

Gowls ta’ Max Zammit, Kyle Cremona u Mark Carani taw vantaġġ ta’ tliet gowls lil Valletta fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni. Birżebbuġa rkupraw l-iżvantaġġ sa nofs it-tieni sessjoni b’doppjetta fit-tieni sessjoni ta’ Miguel Curmi u saħansitra daħlu jistrieħu 5-4 fil-vantaġġ.

Birżebbuġa rduppjaw il-vantaġġ darbtejn fit-tielet sessjoni iżda Valletta dawru r-riżultat għal 8-7 bi tliet gowls konsekuttivi ta’ Kieyan Borg, Ken Erdogan u Max Zammit. Miguel Cassar ġab id-draw iżda Erdogan għen lil Valletta biex jibdew l-aħħar sessjoni gowl vantaġġ wara li sab ix-xibka lejn it-tmiem. Hawn spikkaw il-Beltin li b’doppjetta ta’ Kieyan Borg u gowl ta’ Vito Figliomeni, wessgħu l-vantaġġ għal 12-8 u għamluha diffiċli għall-avversarji biex jirkupraw, tant li rnexxielhom biss inaqqsu d-distakk finali.

Birżebbuġa: M. Sladden, M. Aquilina, M. Cassar (3), J. Abdilla, J. Ciantar, M. Manara (1), I. Galea, A. Aquilina, D. Farrugia, M. Cutajar (2), M. Aquilina, M. Curmi (4), S. Livori, L. Axisa

Valletta: A. Bugeja, V. Figliomeni (1), M. Carani (1), J. Sciberras, J. Colombo, A. Formosa, M. Zammit (4), G. Sammut, K. Borg (3), K. Erdogan (2), K. Cremona (1), A. Aquilina, J. Cauchi

Referees: Alex de Raffaele, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Is-Sibt 6 ta’ Diċembru

Għat-tielet u r-raba’ post

Neptunes v San Ġiljan            4.10pm

Finali

Sirens v Sliema                       5.20pm