Lokali

Gvern Nazzjonalista jagħti tabib b’xejn lill-anzjani – Alex Borg

Alex Borg ikompli jispjega l-viżjoni tal-PN; jgħid li l-Gvern Laburista għolla l-mediċini bil-moħbi

Lill-anzjani tagħna nagħtuhom is-servizz tat-tabib b’xejn. Biex huma jkollhom il-kontinwità tat-trattament tagħhom minn tabib li jaf sew l-istorja medika tagħhom u mingħajr ma jkollhom iħallsu għalih.

Waqt intervista mill-ġurnalist ta’ Newsbook Owen Teuma fl-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li din il-miżura tkompli tixhed l-impenn li Gvern Nazzjonalista għandu biex verament itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Tul din l-intervista, parti mis-serje ta’ attivitajiet Qrib Tagħkom, Alex Borg tkellem dwar temi differenti u kompla jispjega d-direzzjoni li jrid jagħti lill-pajjiż Gvern Nazzjonalista.

Tabib b’xejn għall-anzjani, mhux żidiet moħbija fil-prezz tal-mediċini
Gvern Nazzjonalista jagħti s-servizz ta’ tabib b’xejn għall-anzjani u l-pensjonanti għal każijiet akuti biex ikollhom kontinwità tat-trattament mit-tabib tal-familja li jaf l-istorja medika tagħhom. Dan ikun b’għażla kemm għall-pazjent kif ukoll għat-tobba privati li jixtiequ jipparteċipaw. B’hekk titnaqqas il-pressjoni fuq il-kura primarja u l-isptarijiet.

Alex Borg tkellem ukoll dwar iż-żidiet li daħħal il-Gvern bil-moħbi fil-miżati tal-Awtorità tal-Mediċini u fil-liċenzji tal-ispiżeriji. F’xi każi dawn il-liċenzji tripplaw u issa se jwasslu għal prezzijiet ogħla fuq il-mediċini. Dawn iż-żidiet saru b’avviż legali imma għal xi raġuni ma tħabbrux fil-budget.
Dan ifisser li ż-żieda li se jieħdu l-anzjani tagħna malajr se tinxtorob.

Alex Borg qal li dan hu eżempju ieħor ta’ Gvern li jgħid li ma daħħalx taxi ġodda iżda wara l-budget niskopru mod ieħor. Dan se jpoġġi piżijiet ġodda b’mod speċjali fuq l-anzjani li diġà qed iħallsu minn buthom għal mediċini out-of-stock.

Trasport tal-massa
Alex Borg tkellem dwar it-trasport u qal li l-Master Plan 2030 wera realtà li kulħadd diġà jaf: il-karozza tal-linja tieħu tliet darbiet aktar ħin minn trasport privat. Il-Partit Nazzjonalista qed jimbotta għal qbil nazzjonali fuq sistema tat-trasport tal-massa li tiġi implimentata jkun min ikun fil-gvern, u għal trackless tram jew Bus Rapid Transport b’korsiji ddedikati għalih, sistema li l-PN ilu jressaq u li l-Gvern tilef tliet snin fuqha.

Is-sussidji tal-enerġija
Alex Borg sostna li s-sussidji fl-enerġija ma jistgħux jitneħħew meta wieħed iqis il-livell tal-pagi u tal-għoli tal-ħajja tal-lum. Hu ta’ kelmtu li s-sussidji jibqgħu. Fl-istess waqt qal li Malta teħtieġ investiment serju fl-enerġija li tiġġedded għax pajjiżi ġirien telqu jiġru ‘l quddiem f’dan il-qasam filwaqt li Malta għadha tkaxkar lura.

Budget li nesa l-kwalità tal-ħajja
F’kummenti dwar il-budget li ppreżenta l-Gvern, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kieku kellu jikteb il-budget hu, kien iżid miżuri li jindirizzaw l-għajxien tan-nies. Fosthom semma ċ-Child Trust Fund, tnaqqis fit-taxxa, skema pilota ta’ four-day week, aktar spazji ħodor ġodda, u investiment serju fit-trasport tal-massa.

Hu qal li filwaqt li fil-budget kien hemm miżuri li l-PN jaqbel magħhom fosthom iż-żieda fl-istipendji u ċ-ċaqliq fit-tax brackets, il-Budget 2026 falla milli jsolvi l-problemi tan-nies fosthom it-traffiku, il-waiting lists, il-mediċini out-of-stock, l-għoli tal-ħajja, u t-telqa fl-ambjent.

Steward u €900 miljun mitlufa
Dwar id-€900 miljun li l-Gvern ta lil Steward, Alex Borg qal li b’dawk il-flus seta’ nbena l-isptar il-ġdid f’Għawdex, sar ir-restawr ta’ Karin Grech u St Luke’s, inxtrat il-mediċina meħtieġa, u sar investiment fis-saħħa mentali. Minflok, flusna spiċċaw fil-bwiet tal-barranin filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin baqgħu mingħajr l-isptarijiet li jixirqilhom.

White Rocks u Manoel Island
Alex Borg qal li l-PN ilu snin isejjaħ għal aktar spazji miftuħa għan-nies, u kien fuq quddiem biex dawn iż-żoni jiġu protetti bħala spazji miftuħa. Hu qal li Robert Abela fl-eqqel tas-sajf prova jgħaddi riformi li jaqblu lilu u lil tal-qalba imbagħad wara li l-budget ma semma xejn, Abela uża PR stunt u qal li White Rocks se jsir Park Nazzjonali. Il-PN naturalment jaqbel ma’ dan imma issa jrid jara jekk dan il-Gvern hux kapaċi li mill-kliem jgħaddi għall-azzjoni.

Kandidati żgħażagħ
Dwar kif il-Partit Nazzjonalista se jiġbed lejh kandidati żgħażagħ, Alex Borg qal li ħafna żgħażagħ diġà qed jersqu lejn il-PN u li din hi l-prova li l-partit qed jirriforma ruħu b’viżjoni friska u ġdida u qed jirnexxilu jmexxi politika ta’ enerġija u tama.

Kandidatura fuq Għawdex
Owen Teuma staqsa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista jekk hux se jikkontesta fuq it-13-il distrett fl-elezzjoni li jmiss. Alex Borg qal li Għawdex hu d-dar naturali tiegħu u ma jistax ma jikkontestax fuq dan id-distrett. Hu qal li se jkun qed jikkontensta wkoll fuq distrett ieħor Malta. 

Il-kontijiet awditjati tal-PN
Dwar l-accounts tal-PN, Alex Borg tenna li l-kontijiet se jiġu ppubblikati skont il-wegħda tiegħu li jiġu ppubblikati fl-ewwel 100 jum tiegħu. Hu fakkar li, kif wiegħed, diġà ppubblika r-rendikont tan-nefqa tal-kampanja tiegħu, b’differenza minn Robert Abela li ħames snin wara għadu ma ppubblikahomx, u wettaq diversi riformi strutturali u ta garanzija li din il-wegħda se jwettaqha wkoll.

Is-surveys u l-elezzjoni ġenerali
Mistoqsi dwar dak li qal il-Prim Ministru fuq l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Alex Borg qal li l-PN jinsab lest għall-elezzjoni u tiġi meta tiġi se joffri alternattiva soda għal dan il-Gvern. Dwar is-surveys, Alex Borg qal li dawn huma stampa ta’ mument, iżda l-PN qed ikompli jaħdem mhux biss biex inaqqas id-distakk imma biex jirbaħ l-elezzjoni generali li ġejja. Hu appella lil kulħadd biex ixammar il-kmiem għax fadal ħafna xi jsir. “Kapaċi naslu” qal Alex Borg.

Fil-bidu tal-attività fil-Każin tal-PN tal-Isla, Alex Borg sellem lir-residenti tal-madwar li din il-ġimgħa sofrew minn dħaħen kbar minn nirien li żviuppaw u qal li l-politiċi għandhom id-dmir li jaraw li inċidenti bħal dawn ma jseħħux.

Hu sellem b’mod partikolari lill-ħaddiema kollha li kienu involuti biex jiġi kkontrollat dan in-nar u rringrazzjahom tal-ħidma importanti tagħhom biex żguraw is-sigurtà ta’ kulħadd.