Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Il-qawwiet navali ta’ Pyongyang dejjem fuq allert għall-iċken sinjali ostili

Il-Korea ta’ Fuq komunista tinsab għaddejja bil-programmi ta’ eżerċizzji għall-qawwiet navali tagħha u li mistennija jkomplu sal-aħħar tal-2025.

L-eżerċizzji huma intiżi bħala wirja ta’ saħħa u ‘tweġiba’ lill-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti li l-qawwiet tal-baħar tagħhom, f’nofs dan ix-xahar, ikkonkludew numru ta’ ‘drills’ konġunti fil-Baħar tal-Ġappun….Eżerċizzji li qanqlu l-kundanna bla riservi min-naħa tar-reġim fi Pyongyang.

Intant, waqt l-eżerċizzji tal-Istati Uniti flimkien mal-Korea t’Isfel  spikka s-sehem tas-Strike Group immexxi mill-aircraft carrier USS George Washington li hu ġenerat mill-enerġija nukleari.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li l-Korea komunista bagħtet bastiment ieħor tal-gwerra tal-klassi ‘corvette’ lejn il-Port ta’ Kosong, fl-ibħra viċin il-fruntiera inter-Koreana…Bastiment li jingħad li jġorr il-cruise-missiles bil-kapaċità li jġorru l-materjal nukleari.

Dan meta fil-jiem li ġejjin mistennija aktar waqtiet ta’ taħriġ għall-bastimenti militari tal-Korea komunista…Pajjiż li jinsab dejjem fuq ‘allert ta’ gwerra’ u li jrid juri d-determinazzjoni tiegħu biex jispara missili tal-ogħla kalibru f’sitwazzjonijiet li jindikaw il-potenzjal ta’ xi attakk mill-flotot tal-Alleati ( f’dan il-każ l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel).