Internazzjonali

L-Ukrajna: Aktar taħditiet…bil-pressjoni ma tonqosx għal Zelensky biex jaċċetta pjan li jmur kontra l-interessi ta’ pajjiżu

L-Istati Uniti qed tiċħad li kollaborat mar-Russja bil-ħsieb li l-Ukrajna taċċetta bilfors ftehim għall-paċi li jiffavorixxi biss lil Vladimir Putin u l-Kremlin.

Il-pjan ippreżentat mill-President Donald Trump u l-Gvern Amerikan qed jidher li sar bl-għaġġla u bil-ħsieb li tieqaf il-gwerra ta’ kważi erba’ snin bejn ir-Russja u l-Ukrajna mingħajr ħsieb dwar l-impatt negattiv għall-poplu Ukren.

Fil-fatt, il-pjan qed jidher li jippremja lir-Russja bħala l-aggressur f’din il-gwerra – bil-Gvern Amerikan iħalli lill-Ukrajna f’sitwazzjoni diffiċli ħafna…Dan meta l-pjan, fost oħrajn, jesiġi biex l-Ukrajna ċċedi kompletament l-artijiet li għadha qed tikkontrolla fir-reġjun tad-Donbas u biex anki tnaqqas drastikment lill-Armati tagħha.

Intant, qed isiru taħditiet ġodda dwar il-fażi attwali tal-konflitt, bid-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti, l-Ukrajna u l-Alleati Ewropej jiltaqgħu f’Ġinevra, fl-Iżvizzera.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, esprima tamiet li jirnexxu l-inizjattivi diplomatiċi li jmiss.

Madankollu, il-Mexxejja tal-Punent għadhom qed jikkritikaw il-pjan għal paċi bażat fuq 28 punt li ressaq Trump. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed tgħid li l-pjan kien maħdum ‘kollu kemm hu bil-mertu tagħha’ u wara li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, irrefera għall-pakkett għall-paċi bħala ‘lista tal-affarijiet li r-Russja insistiet dwarhom sa minn qabel il-gwerra’.

Rubio, issa, qed jipprova jibdel din l-impressjoni bil-kumment li l-proposti tal-Istati Uniti għall-paċi bażaw fuq l-informazzjoni mressqa, rispettivament, mir-Russja u l-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump qed jgħid li l-pjan ippreżentat minnu mhux bilfors li jirrappreżenta ‘offerta finali’ lill-Ukrajna.

Madankollu, Trump xorta waħda ta lill-Ukrajna sa nhar il-Ħamis biex taqbel dwar il-pjan, filwaqt li ħalla miftuħa l-possibbiltà li d-deadlines ikunu estiżi jekk kemm-il darba ‘l-affarijiet ikunu jidhru li mexjin sewwa’.

Intant, l-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, kienet qed thedded ukoll biex twaqqaf l-appoġġ lill-Ukrajna f’termini ta’ armamenti u informazzjoni sigrieta u f’każ li l-Gvern ta’ Zelensky ma jaċċettax il-pjan ta’ Donald Trump.

Din is-sitwazzjoni qed tħasseb bil-kbir lill-Unjoni Ewropea, bil-President tal-Kummissjoni (Ewropea) Ursula von der Leyen tisħaq li kwalunkwe pjan għall-paċi kredibbli jeħtieġ iwaqqaf il-qtil konsistenti tan-nies l-ewwel u qabel kollox. Hi qed twissi wkoll biex il-pjan konkluż bl-ebda mod ma jħalli l-bieb imbexxaq għal konflitt ġdid fil-futur.

Il-Kummissjoni Ewropea trid ftehim li jesiġi biex il-fruntieri tal-Ukrajna ma jinbidlux bil-forza u biex ma jitpoġġewx il-limiti għall-qawwiet armati tal-Ukreni li jistgħu jħallu pajjiżhom vulnerabbli għal aktar aggressjoni.

U von der Leyen, ilbieraħ, enfasizzat biex l-Unjoni Ewreopea tinkwadra bi prominenza fl-inizjattivi għall-paċi u bil-ħsieb li l-Ukrajna—kuntrarju għal dak li qed tinsisti dwaru r-Russja — tissieħeb, fil-ġejjieni, bħala membru sħiħ tal-Unjoni.