Lokali

Robert Abela għadu qed jistudja kif se jsolvi l-kriżi tat-traffiku

Ma jeskludix li Joseph Muscat joħroġ għall-elezzjoni ġenerali

Il-kriżi tat-traffiku fil-pajjiż għadha waħda maġġuri – waħda li amministrazzjonijiet ta’ Gvern Laburista mhux talli ma solvewx, iżda li kompliet tiżdied.

F’intervista ma’ Times of Malta, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kien hemm titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku, li għaddejjin l-istudji fuq il-metro, u li bħala miżuri fl-immedjat hemm is-soluzzjoni tat-trasport bil-baħar…madanakollu qed jibqa jipproponi l-istess retoriku. Ċioè studji rigward fost oħrajn deliveries li ma jsirux fil-ħin ta’ filgħodu kmieni.

Mistoqsi dwar l-affordabiltà tal-proprjetà partikolarment fost iż-żgħażagħ Robert Abela spjega li għandhom ħemel ta’ inċentivi u skemi filwaqt li insista li 82% tal-popolazzjoni hija sid ta’ darha.

Fl-istess waqt spjega li dawk li żgħażagħ li ma jaffordjawx għandhom l-iskema tal-affordable housing – waqt li ta’ x’jifhem li proprju għal din il-kriżi li l-poplu qed jirrabja kontra l-iżviluppatur.

Intant b’rabta mar-riforma fl-ippjanar il-Prim Ministru ammetta li kien imissu sejjaħ konsultazzjoni pubblika qabel – u spjega li għad m’hemmx qbil fuq ir-riformi.

Meta mistoqsi dwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Mexxej Laburista kkonferma li jiltaqa’ u jidiskuti mal-predeċessur tiegħu filwaqt li Robert Abela m’għalaqx il-bieb għal possibiltà li Muscat jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.

B’rabta mal-kwistjoni tal-Isptarijiet ta’ Vitals u Steward Healthcare Abela baqa jinsisti li ħadd ma ħareġ tellief u li l-poplu ħa kull ċenteżmu lura tas-servizzi li ngħataw.

U wara li l-Gvern ħareġ bl-għajta ta’ Malta Tirbaħ – Robert Abela qal li hu qatt ma qal hekk – iżda għaraf li Malta rebħet għaliex ma kelliex tħallas il-€100 miljun li l-istess Gvern Laburista rabat lill-poplu bih. 

Finalment mistoqsi dwar id-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss il-Prim Ministru ċaħad li se jsejjaħa qabel żmienha.