Lokali

40 SENA MILL-HIJACK: Ali Rezaq għadu ħaj u qed iħallas ta’ għemilu

Segwi l-analiżi li saret ILLUM mill-ġurnal 'In-Nazzjon'

Omar Mohammed Ali Rezaq, il-protagonista ewlieni tal-ħtif tal-ajruplan tal-Egyptair u li tniżżel f’Malta f’Novembru 1985, illum ta’ 58 sena, jinsab jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs li ngħata mill-Qorti Distrettwali tal-Columbia.

Hu kien wieħed mit-tliet hijackers li oriġinarjament ħatfu l-ajruplan waqt li kien fl-ajru fuq Titjira Nru. 648 minn Ateni għall-Kajr. Wara li dak li kien il-leader tal-pirati tal-ajru nqatel fuq l-ajruplan minn uffiċjal tas-sigurtà tal-Egytair, Rezaq ħa l-operazzjoni kollha f’idejh tant li kien hu li, kull tant ħin beda joħroġ lill-passiġġieri fuq quddiem u jisparalhom f’rashom… tnejn qatilhom u erbgħa rnexxielhom, b’xi mod, isalvaw.

Ali Rezaq, li trabba f’kamp tal-Palestinjani, kien membru tal-grupp terroristiku Abu Nidal. Hu nqabad mill-forzi tas-sigurtà Maltin wara li Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan u għamlu straġi sħiħa.

F’Malta, Ali Rezaq tressaq il-Qorti u wara proċess twil li żvolġa f’awla li tlestiet apposta fil-Forti Sant’Iermu, l-Imħallef Wallace Gulia ikkundannah għal 25 sena ħabs li minnhom għamel seba’ snin biss minħabba għadd ta’ amnestiji.

Il-Gvern Amerikan ipprotesta għall-ħelsien ta’ Rezaq minn Malta iżda l-Gvern Malti sostna li kollox kien skont ir-regoli u l-liġijiet Maltin u li Malta ma kinetx lesta tiddiskrimina.

Malli telaq minn Malta, Rezaq baqa’ sejjer il-Ghana mnejn ma damx wisq qabel ma telaq lejn in-Niġerja. Hemmhekk inħataf minn żewġ membri tal-FBI.

Huma ħaduh fl-Istati Uniti fejn għadda ġuri akkużat bi ħtif ta’ ajruplan, li qatel numru ta’ nies u li, bl-aġir tiegħu, wassal għall-mewt ta’ 60 persuna li kienu fuq l-Egyptair. Il-ġurija rrifjutat diversi eċċezzjonijiet miġjuba mid-difiża fosthom li fiż-żmien tal-ħtif Rezaq kien mentalment żbilanċjat, u ngħata l-piena ta’ għomor il-ħabs.

Ali Rezaq hu miżmum fil-United States Penitentiary, Marion, Southern Precinct, Williamson County f’Illinois.

L-Imħallef Amerikan Royce C. Lambeth, fis-sentenza tiegħu, qal li kwalunkwe talba għall-parole lil Rezaq għandha tkun miċħuda fl-10 snin ta’ wara. Hu rrikmanda wkoll li talba bħal din għandha tkun rifjutata anki wara dak il-perjodu minħabba fil-gravità ta’ dak li Rezaq wettaq.

Rezaq appella mis-sentenza iżda kienet konfermata fi-6 ta’ Frar, 1998.

Kevin Foust u Robert F. Clifford, iż-żewġ aġenti tal-FBI li arrestaw lil Rezaq f’Lagos fin-Niġerja u ħaduh l-Istati Uniti biex jgħaddi ġuri, kemm-il darba tkellmu fil-pubbliku dwar din l-esperjenza li kellha ċerti riskji.