Lokali

Carols by Candlelight – edizzjoni speċjali

F’għeluq ta’ sena ċelebrazzjonijiet li mmarkaw il-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ Schola Cantorum Jubilate, dan il-kor iddeċieda li għal dan il-Milied ser jippreżenta edizzjoni speċjali ta’ Carols by Candlelight. Avveniment li ser jirritorna b’festività speċjali wara waqfa ta’ seba’ snin. Ser jittella’ fuq żewġ serati – il-Ġimgħa 12 u s-Sibt 13 ta’ Diċembru.

Carols by Candlelight ittella’ għal ħmistax-il darba u kien ferm popolari ma kull min għandu għal qalbu l-mużika u l-Milied. Fis-sena 2010, skont The Guardian, dan l-avveniment ikklassifika mal-aqwa għaxar avvenimenti tal-Milied fl-Ewropa.

Bħal f’edizzjonijiet passati, dan l-avveniment jibda b’kunċert fil-Knisja ta’ Santu Wistin u jkompli b’ikla ġewwa l-kjostru tal-istess Kunvent fis-Rabat, Għawdex. Kull min ser jattendi ser isib atmosfera maġika mimlija għanjiet u mużika tal-Milied, letteratura kontemplattiva u effetti ta’ dawl sbieħ li ser jiġu kkumplimentati b’ikla bnina.

Ir-repertorju magħżul ser jinkludi biċċiet klassiċi u oħrajn anqas popolari li jinkludu xogħlijiet ta’ Tallis, Adam, Gruber, Berlioz, Labaky, Rutter u arranġamenti ta’ Willcocks u tal-kompozitur residenti tal-kor Paul Portelli. Ma jonqsux ukoll is-sorpriżi li huma t-timbru ta’ kreattivita li Schola Cantorum Jubilate hija magħrufa għalihom u li kulħadd ikun jistenna. Il-kunċert ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Marouska Attard.

Wara l-kunċert, min ser jattendi jidħol fil-kjostru storiku tal-Agostinjani fejn ser issir ikla bi stil bankett li ser tiġi ppreparata minn Ogygia Caterers ta’ Vini e Capricci. Chef Luke iwiegħed esperjenza unika fejn il-platti festivi ser jikkumplimentaw is-serata. Id-dħul huwa bil-biljett li jistgħu jinkisbu minn ShowsHappening.com. L-ispjazju huwa limitat u għaldaqstant min hu interessat għandu jaħseb kmieni.

Ingħaqad ma’ Schola Cantorum Jubilate għal Carols by Candlelight – Edizzjoni Speċjali ta’ lejla esklussiva ta’ ċelebrazzjoni natalizja li tiġbor fiha kant u tradizzjoni tal-Milied.