Intlaqa’ b’entużjażmu kbir il-Kap tal-PN Alex Borg meta qatta’ l-ġurnata tat-Tnejn fost l-Għawdxin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qatta’ t-Tnejn filgħodu mal-Għawdxin li kienu preżenti għall-coffee morning organizzat mill-Kumitat Reġjoali Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Kien evidenti l-entużjażmu fost dawk parteċipi li rringrazzjaw lil Alex Borg tal-ħidma tiegħu.
Kienu bosta li qasmu t-tbatijiet li qed tara l-Gżira Għawdxija, u li jidher li mhux qed jiġu indirizzati mill-Gvern preżenti. Huwa propju għalhekk illi Alex Borg wiegħed illi – kif għamel dejjem – se jħalli lil Għawdex fiċ-ċentru tal-politika tiegħu anke għaliex huwa stess jgħix dawn ir-realtajiet.
Alex Borg irringrazzja lill-Għawdxin tas-sapport kontinwu li qed joffru lilu u anke lill-Partit Nazzjonalista, fejn l-attendenza numeruża wriet l-apprezzament tagħha lejn l-entużjażmu li ressaq Alex Borg lejn il-Partit Nazzjonalista. Partikolarment kemm ilu hu fit-tmun tal-partit.
Preżenti għal din l-attività f’Ta’ Kerċem kienu wkoll il-kandidati tal-PN li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’Għawdex.



