Lokali

Id-dettalji tal-hijack tal-Egyptair f’Malta 40 sena ilu fi kliem il-Qorti Distrettwali ta’ Columbia

Il-Qorti Distrettwali ta’ Columbia fl-Istati Uniti tal-Amerika, li kienet qed tisma’ każi kontra l-Jamahirija Soċjalista tal-poplu Libjan (il-Libja) fir-rigward tal-hijack tal-Egyptair f’Novembru 1985, fis-sentenza elenkat b’mod dettaljat kif seħħ dan il-ħtif. Dan hu, testwalment dak li kellha x’tgħid il-Qorti Amerikana.

24 siegħa ta’ terrur fuq Egyptair 684

X’ġara eżattament, minuta b’minuta, mit-tluq f’Ateni sal-attakk infami tal-Commandos Eġizzjani

1. It-titjira 648 tal-Egyptair kienet skedata li mill-Kajr tmur direttament il-Kajr minn Ateni, il-Greċja, nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru, 1985 fit-8pm.

2. Madwar 10 minuti wara t-tluq, l-ajruplan kien maħtuf (hijacked).

3. Wieħed mill-hijackers beda jipprovoka lill-passiġġieri billi jilgħab mal-pin tal-handgrenade waqt li fl-istess ħin jurihom arma tan-nar.

4. F’dak il-ħin Jackie Nink Pflug, passiġġiera Amerikana, qalgħet daqqa fuq rasha permezz ta’ arma tan-nar minn wieħed mill-hijackers.

5. Fit-8.28pm ħin ta’ Malta, tliet hijackers tal-Organizzazzjoni Abu Nidal (ANO), li kienu jinkludu lil Omar Mohammed Ali Rezaq, ħadu għalkollox il-kontroll tal-ajruplan tal-Egyptair.

6. Il-hijackers ġiegħlu lil wieħed mill-ekwipaġġ imur fuq l-intercom tal-ajruplan u jgħid: “Din it-titjira hi maħtufa (hijacked) mir-Rivoluzzjoni Eġizzjana, u jekk tagħmlu kif jintqalilkom, m’intomx se tweġġgħu.”

7. Wara li ħadu l-kontroll assolut, il-pirati tal-ajru tal-ANO bdew ifittxu fost il-passiġġieri l-passaport tagħhom u jpoġġu lill-passiġġieri f’postijiet differenti minn kif kienu.

8. Il-hijackers ittrasferew ruħhom minn quddiem tal-ajruplan għal wara.

9. Madwar 30 minuta wara li ħadu l-kontroll tal-ajruplan, għall-ħabta tad-9pm, kien hemm sparatura bejn Marshal tal-Egyptair (li kien fuq l-ajruplan għas-sigurtà) u l-hijackers.

10. Il-fuselage (iż-żaqq tal-ajruplan) intlaqat mit-tiri sparati u l-ajruplan beda nieżel ġmielu jitlef mill-altitudni.

11. Minħabba li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-ajruplan ħtieġlu l-fuel, l-Egyptair tniżżel f’Malta fl-10.16pm.

12. Ftit wara li l-ajruplan niżel Malta, it-taraġ mobbli ttieħed biswit l-ajruplan u tabib tħalla jidħol ġewwa.

13. It-tabib iċċertifika li wieħed mill-hijackers li ntlaqat mill-Marshal tal-Egyptair, kien mejjet.

14. Waqt li t-tabib kien qed jgħin lill-Marshal Eġizzjan jinżel mill-ajruplan Ali Rezaq spara lejn il-Marshal u laqtu f’dahru.

15. Il-hijackers imbagħad talbu l-fuel u indikaw li kienu lesti joqtlu passiġġieri jekk it-talba tagħhom ma tintlaqax.

16. Hekk kif il-hijackers kienu qed jistennew li jasal il-fuel, huma reġgħu għamlu kuntatt man-negozjaturi Maltin u ħelsu xi passiġġieri skont in-nazzjonalità tagħhom kif determinata fuq il-passaporti tagħhom.

17. Il-hijackers issa bdew jheddu li jisparaw fuq passiġġier kull 15 minuta jekk ma jingħatawx il-fuel.

18. Wara li kienu lliberaw numru ta’ passiġġieri, Ali Rezaq sejjaħ lill-ewwel passiġġiera Iżraeljani, Tamar Artzi, sparalha f’rasha u tefagħha ’l barra mill-ajruplan għal fuq it-tarmak tal-ajruport.

19. Jackie Pfug kienet bilqiegħda ħdejn raġel Awstraljan, dan qal lil Pflug li l-mara Iżraeljana li ntremiet ’il barra mill-ajruplan, kienet qed tiċċaqlaq fuq it-tarmak.

20. Dwar dik il-mara, Pflug bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha: “Jiġri x’jiġri, tiċċaqlaqx, ippretendi li int mejta.”

21. Meta l-hijackers indunaw li l-mara Iżraeljana kienet għadha ħajja fuq it-tarmak, reġgħu sparawlha.

22. Madwar 15-il minuta wara li sparaw li Artzi, fil-12.15am, it-tieni passiġġiera, Nitzan Mendelson, kienet imkaxkra fuq quddiem tal-ajruplan u Ali Rezaq sparalha f’rasha.

23. Mendelson ukoll intefgħet ’il barra mill-ajruplan għal fuq it-tarmak.

24. Wara li l-hijackers sparaw fuq dawn iż-żewġ Iżraeljani, Patrick Scott Baker,passiġġier Amerikan, ikkummenta ma’ passiġġiera li kienet ħdejh li kien imissu hu.

25. Madwar 15-il minuta wara l-isparar fuq iż-żewġ passiġġieri Iżraeljani, il-hijackers sejħu tliet passiġġieri Amerikani biex jersqu fuq quddiem.

27. Ftit qabel in-12.30pm Baker ittieħed ħdejn il-bieb tal-ajruplan.

28. Waqt li kien fil-bieb, Baker sema’ dak li kien qed jingħad fuq ir-radju mit-Torri tal-Kontroll ta’ Malta. “Waqqfu l-qtil tan-nies. Il-fuel jinsab fi triqtu.”

29. Baker tħalla jerġa’ jmur bilqiegħda.

30. Erba’ sigħat u nofs wara li t-titjira 648 tal-Egyptair kienet ħalliet Ateni, u erba’ sighat wara li kien beda l-ħtif wara li ra quddiem għajnejh l-isparatura fuq żewġ passiġġieri oħra, Baker reġa’ ttieħed ħdejn il-bieb tal-ajruplan. Ftit wara n-12.30am Rezaq sptar f’ras Baker minn distanza qrib.

31. Baker intefa’ mit-taraġ tal-ajruplan għal isfel u ġie prattikament f’nofs it-taraġ.

32. Baker sema’ tnejn min-nies neżlin it-taraġ. Dawn ġarrewh lura għal fuq l-ajruplan.

33. Il-hijackers imbagħad tefgħuh ’il barra mill-ajruplan għat-tieni darba u issa spiċċa fuq it-tarmak.

34. Baker għamel tabirruħu mejjet sakemm aċċerta ruħu li l-hijacker kien mar lura fuq l-ajruplan.

35. Baker irnexxielu jaħrab billi tkaxkar fuq it-tarmak lejn taħt l-ajruplan u mbagħad ġera.

36. Waqt li Baker kien qed jiġri fid-dlam fuq it-tarmak, hu ra lil xi ħadd li minn qalb ħaxix baxx fuq ix-xellug tiegħu kien qed jipponta azzarin lejh.

37. Baker dar biex juri li dik il-persuna li hu kellu jdejh marbutin wara dahru u b’hekk juri li ma kienx ta’ theddida u jiffranka milli jisparawlu.

38. Dak li pponta l-azzarin kien suldat Ingliż li seta’ ħaseb li Baker kien terrorista qed jaħrab mill-ajruplan.

39. Baker ittieħed b’ambulanza lejn sptar Malti.

40. Fil-fatt, Baker ittieħed fl-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa fejn, għal erbat ijiem, hu rċieva kura għal ferita f’rasu kaġunata mill-isparatura, u feriti oħrajn li ġarrab.

41. Fl-4.30am, ħin ta’ Malta, tmien sigħat wara l-bidu tal-ħtif, u wara li quddiem għajnejhom raw l-eżekuzzjoni ta’ passiġġieri oħrajn permezz ta’ sparatura, it-tieni passiġġiera Amerikana, Scarlett Rogenkamp, ittieħdet fuq quddiem fejn Rezaq sparalha għal rasha u qatilha.

42. Il-ġisem ta’ Rogenkamp ukoll intefa’ ’l barra fuq it-tarmak.

43. Rogenkamp, imbagħad, ittieħdet fl-isptar Malti fejn hemmhekk kienet identifikata minn Baker, li kien qed jinżamm għall-kura.

44. Fl-10am tal-Ħadd, 24 ta’ Novembru – ħin ta’ Malta – 13-il siegħa u nofs wara li beda l-ħtif, wara li rat quddiem għajnejha l-eżekuzzjoni ta’ passiġġieri permezz ta’ sparatura, Jackie Pflug, it-tielet passiġġiera Amerikana, issejħet quddiem u Rezaq sparalha f’rasha.

45. Bħal fil-każ tal-passiġġieri l-oħra li sparawlhom għal rashom, Pflug ukoll intefgħet fuq it-tarmak.

46. Pflug għamlet madwar ħames sigħat fuq it-tarmak, f’ħinijiet mhux f’sensiha, tippretendi li kienet mejta.

47. Jaslu l-mediċi Maltin ħdejn l-ajruplan u wara li jikkunsidraw lil Pflug bħala mejta, ipoġġuha f’ambulanza biex tittieħed fil-kamra mortwarja.

48. Meta dawn irrealizzaw li Pflug kienet ħajja, ittieħdet l-Isptar San Luqa fejn bdiet tingħata kura għall-ġrieħi li ġarrbet.

49. Sussegwentement Pflug saritilha kiruġija għall-ġrieħi f’rasha u kellha tgħaddi ħajjitha kollha tbati minn uġigħ u ssofri trawma fiżika u emozzjonali.

50. Fit-tieni jum tal-hijacking, il-Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan f’tentattiv biex jeħilsu l-kumplament tal-priġunieri u jwasslu l-każ għat-tmiem.

51. Bħala riżultat ta’ dan it-tentattiv, l-ajruplan prattikament tfarrak u 56 passiġġier, hijacker u żewġ membri tal-ekwipaġġ kollha tilfu ħajjithom f’din il-ġrajja.