Malta huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad m’għandux servizz nazzjonali tal-ġeoloġija.
Kienet propju din it-tema ewlenija li ġiet diskussa waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-PN bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u membri mill-Kamra tal-Ġeoloġi – fil-preżenza wkoll tax-Shadow Minister Stanley Zammit
Matul din il-laqgħa, il-ġeoloġi tennew kif din hi problema li qed jaffaċjaw il-ġeoloġi kollha u li qed tkun anke ta’ żvantaġġ għall-Maltin fejn jidħol l-aspett ta’ sigurta pubblika. Hawnhekk, Peter Gatt irrefera għall-inċidenti li ħasdu l-ħajja ta’ Jean Paul Sofia u Miriam Pace, kif ukoll il-każ tal-binja li ġġarrfet f’Paceville.
Il-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi tenna kif f’Malta rridu nieħdu ħsieb anke l-materjal tal-bini, għax qed ikollna bini li minflok qed iservi 50 sena qed iservi 20. Kompla jesprimi d-diżappunt tiegħu meta sostna kif bħala kamra tal-ġeoloġi applikaw biex ikunu parti mill-kunsill tal-Bini u l-Kostruzzjoni – iżda din it-talba ġiet rifjutata.
F’kumment li ta lil Net News, il-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi Peter Gatt esprima l-frustrazzjoni tiegħu għal fatt li l-gvern ta’ Robert Abela mhuwiex jirrikonoxxi din il-liġi.
Peter Gatt saħaq li minn aspett tal-ambjent u tibdil fil-klima il-ġeoloġija għandha importanza kbira u hija ħasra li l-Ġeoloġi mhux qed jiġu rikonoxxuti mill-Gvern preżenti.



