Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister għat-Trasport, Agrikoltura u Sajd, il-Partit Nazzjonalista spjega kif skont in-National Transport Master Plan 2030, din is-sena t-traffiku se jiswa lill-poplu Malti €770 miljun. U dan l-ammont jiżdied għal €917 miljun fis-sena sal-2030 jekk ma titteħidx azzjoni drastika kemm jista’ jkun malajr. Dan hekk kif il-ħinijiet tal-ivvjaġġar jibqgħu jitwalu, u nqattgħu aktar ħin fit-traffiku, waqt li jiżdiedu wkoll l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-fuel.
Kalkolu sempliċi juri li fi żmien inqas minn erba’ snin, l-ispiża tat-traffiku se tkun tkopri aktar mit-€2.8 biljuni li Robert Abela issa qed jgħid li tiġi tiswa l-Metrò.
Rapport simili kien jipprevedi li sa 25 sena oħra t-traffiku jkun qed jiswiena €1.28 biljun fis-sena. Jiġifieri b’dak li se jkun qed jiswiena t-traffiku dak iż-żmien, inkunu nistgħu nibnu l-Metrò li jrid Abela fi ftit aktar minn sentejn.
Il-kriżi fit-traffiku hija ta’ tħassib mhux biss fuq livell ekonomiku imma anke minħabba l-konġestjoni ta’ kuljum li qed tkompli tkisser il-kwalità tal-ħajja.
Filwaqt li s-sewwieqa Maltin u Għawdxin ta’ kuljum jinbqabdu fit-traffiku, il-Gvern Laburista għadu jdur u jagħqad u kompletament mitluf dwar is- sistema ta’ trasport tal-massa li jrid jagħmel:
- Robert Abela jgħid li l-pjan tal-Metrò għadu fattibbli
- Clyde Caruana l-ewwel jiddeskrivi l-Metrò bħala “wegħda tas-silly season”, imbagħad qal li t-Times of Malta li “it could royally screw Malta” (tista’ tkisser lil Malta)
- Chris Bonett jiżfen fin-nofs u filli jgħid li jrid ftehim dwar il-Metrò u filli jgħid li l-aħjar għażla hi l-mudell li kien ippropona l-PN tliet snin ilu ta’ Trackless Tram/Rapid Bus Transit System
Din il-konfużjoni qed tkompli tipparalizza settur li ilu ġġammjat is-snin, filwaqt li l-pajjiż – jiġifieri aħna lkoll – qed inħallsu prezz enormi.
Il-Gvern spiss jikkwota l-GDP ta’ pajjiżna. Iċ-ċifri ppubblikati mill-istess Master Plan juru li prattikament Malta qed titlef 3.3% mill-GDP tagħha minħabba t-traffiku.
Wieħed mill-ewwel appelli li għamel Alex Borg mindu laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista kien propju biex iż-żewġ partiti jiffirmaw ftehim nazzjonali biex issir sistema ta’ trasport tal-massa moderna u sostenibbli u li torbot lil min ikun fil-gvern li jibqa’ għaddej bil-bini tagħha.
Il-PN jibqa’ jemmen li pajjiżna jixraqlu viżjoni serja u kontinwità, mhux wegħdi li jinbidlu skont min jitkellem, meta u fejn, jew skont jekk hux is-silly season jew le.
Il-Maltin qed jistennew soluzzjoni, u l-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista diġà ħareġ l-id tal-kollaborazzjoni dwar dan. Il-pajjiż ma jistax jibqa’ jonfoq €800 miljun fis-sena biex jibqa’ ġġammjat.
//= $special ?>

