Il-President tal-Libanu, Joseph Aoun, qed iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex twettaq pressjoni fuq Iżrael meta dan il-pajjiż qed iżid l-attakki fuq iz-zoni Lebaniżi li jinkludu l-bażijiet tal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah, alleati tal-Iran.
Fl-istess ħin, il-militar Iżraeljan għadu qed jokkupa tal-anqas ħames lokalitajiet fin-nofsinar tal-Libanu, b’Aoun isostni li l-azzjonijiet ta’ Iżrael huma abbuż ċar tal-ftehim tas-sena l-oħra li kkonkluda tlettax il-xahar ta’ konflitt bejn Iżrael u l-Ħeżbollah.
Is-sitwazzjoni bejn Iżrael u l-Libanu, intant, qed tiggrava wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fi tmiem il-ġimgħa, qatlu membru ewlieni tal-Ħeżbollah waqt azzjoni fuq is-subborgi lejn in-nofsinhar ta’ Bejrut. Din kienet waħda biss fost sensiela ta’ azzjonijiet militari riċenti min-naħa tal-Iżraeljani, minkejja s-‘ceasefire’.
Il-Kap tal-milizji maqtul, Haitham Ali al-Tabtabai, kien il-Kap tal-Istaff tal-Ħeżbollah, bl-Iżraeljani jirreferu għalih bħala terrorista li okkupa diversi karigi għoljin mal-grupp tiegħu u li kien ukoll strateġista involut fl-attakki tal-passat mill-Ħeżbollah fuq ir-residenzi tal-Iżraeljani qrib il-fruntiera mal-Libanu.
L-azzjoni li eliminat lil al-Tabtabai ħalliet ukoll numru ta’ maqtula oħra minbarra l-għexieren tal-midruba – b’wieħed mid-drones tal-Iżraeljani jeqred appartament fid-distrett ta’ Dahieh li hu ffullat bir-residenti.
Min-naħa tiegħu, il-grupp Ħeżbollah qal li Iżrael ‘qabeż il-linja l-ħamra’ b’din l-azzjoni li kienet anki l-ewwel waħda diretta fuq in-nofsinar ta’ Bejrut għal xhur konsekuttivi.
Dan fost indikazzjonijiet aktar ċari li Iżrael qed jeskala l-kampanja militari fuq il-milizji u miri oħrajn assoċjati mal-Ħeżbollah. Azzjonijiet konsistenti fi żmien meta l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied qed jidher l-aktar fraġli minn kwalunkwe żmien ieħor mindu l-patt – appoġġjat mill-Istati Uniti u Franza – kien iffirmat f’Novembru li għadda.
Iżrael qed jgħid li l-Ħeżbollah ilu l-aħħar xhur jistinka biex jibni mill-ġdid il-kapaċitajiet militari wara li kien ġarrab it-telfiet devastanti matul ix-xhur konsekuttivi tal-gwerra.
Fl-istess ħin, il-Ħeżbollah qed ikun akkużat bit-traffikar tal-armamenti fil-Libanu kif ukoll dwar sensiela ta’ proċessi għall-produzzjoni tad-drones bl-isplussivi bħala ‘alternattiva’ għall-missili’. Dan ukoll meta qed jikbru l-possibbiltajiet ta’ fażi ġdida ta’ ostilitajiet totali bejn Iżrael u l-milizji Lebaniżi li huma wkoll alleati tal-grupp terroristiku Palestinjan tal-Ħamas.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal, issa, li hu, bħala l-Mexxej ta’ pajjiżu, mhu se jippermetti qatt li l-Heżbollah jibni mill-ġdid il-kapaċitajiet militari sal-punt fejn għal darb’oħra jkun ta’ theddida għall-poplu ta’ Iżrael.
Il-Mexxej ta’ Iżrael, fl-istess ħin, qed jakkuża lill-Gvern tal-Libanu b’li ma żammx mal-impenji li jaċċertaw id-diżarm tal-Ħeżbollah skont il-ftehim u meta l-grupp tal-milizji għad għandu l-akbar influwenza f’pajjiżu.
//= $special ?>

