Lokali Qorti

Illiberat minn sewqan perikoluż u li ħabat ma’ karozza u baqa’ sejjer

Il-Qorti tal-Magistrati ħelset lil Denilson Gialanze ta’ 23 sena, residenti Raħal Ġdid minn serje twila ta’ akkużi relatati ma’ inċident tat-traffiku li seħħ f’San Ġiljan fl-4 ta’ Marzu 2024. Il-każ kien idur madwar allegazzjoni li Gialanze kien qed isuq b’mod perikoluż u traskurat, mingħajr liċenzja, mingħajr assigurazzjoni u bi ksur ta’ diversi regolamenti tat-traffiku, u li wara li ħabat ma’ karozza oħra ma waqafx kif titlob il-liġi. Il-prosekuzzjoni insistiet ukoll li kellu jiġi skwalifikat mill-liċenzja tas-sewqan.

Ix-xhieda ewlenin kienu l-vittma Keith Abela u martu Evadalina Galent, li kienu fil-karozza l-oħra involuta fl-inċident. Minkejja li r-rapporti tagħhom dwar kif seħħ il-ħabta kienu jagħtu stampa ġenerali simili, meta wasal il-mument li jidentifikaw is-sewwieq tal-karozza l-oħra, il-verżjoni tagħhom ma kinitx tikkoinċidi.

Abela qal b’mod ċar li kien ra lill-imputat u indikah fil-qorti bħala l-persuna li ħabat miegħu u telaq minn fuq il-post. Galent, għall-kuntrarju, qalet li l-persuna li rat kienet “tixbah” lil xi ħadd ieħor fil-awla, u mhux lill-imputat. Din id-differenza, li l-Qorti sejħet “inkonsistenza fundamentali”, kienet kruċjali.

Il-Qorti nnotat li l-identifikazzjoni tal-persuna li kienet issuq il-vettura bin-numru ta’ reġistrazzjoni GIA-222 kienet il-pedament tal-każ kollu. Mingħajr prova ċara u konsistenti ta’ min kien fil-karozza, ma setax jintlaħaq il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali – dak li jrid ikun lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Għalkemm il-Prosekuzzjoni ppreżentat diversi affidavits u anke filmati ta’ CCTV, dawn ma kinux biżżejjed biex ineħħu d-dubju li ħoloq id-diskrepanza bejn iż-żewġ vittmi. Il-Qorti rrimarkat ukoll li minkejja li l-vettura kienet assigurata f’isem l-imputat, dan waħdu ma kienx biżżejjed biex juri min kien qed isuq fil-ħin tal-inċident.

Meta l-imputat għażel li ma jixhidx, il-piż tal-prova baqa’ kollu fuq il-Prosekuzzjoni, li ma rnexxilhiex tipprovdi ħolqa finali li tikkonferma l-identità tas-sewwieq. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonkludiet li l-Qorti ma setgħetx tiddeċiedi għall-ħtija meta teżisti tali kontradizzjoni fil-provi.

Għalhekk, Denilson Gialanze ġie lliberat mill-akkużi kollha, fosthom sewqan perikoluż, nuqqas ta’ waqfien wara ħabta, u sewqan mingħajr assigurazzjoni jew liċenzja. Il-każ intemm bi ċaħda sħiħa tat-talbiet tal-Prosekuzzjoni u mingħajr l-ebda sanzjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan tal-imputat.