Internazzjonali

In-Niġerja: Tfal Kristjani jaħarbu mill-priġunerija

L-awtoritajiet fin-Niġerja qed jieħdu passi mgħaġġlin fl-interessi tas-sigurtà wara l-ħtif, ftit tal-jiem ilu, ta’ madwar 315 tifel u tifla minn skola għall-Kattoliċi f’Niger State.

L-azzjoni xokkanti wettaqha grupp armat li x’aktarx kien magħmul minn militanti Iżlamiċi…Intant, l-aħħar rapporti qalu li, fl-aħħar sigħat, madwar 50 minn dawn it-tfal irnexxielhom, b’mod jew ieħor, jaħarbu mill-istat ta’ priġunerija.

L-Assoċjazzjoni Kristjana tan-Niġerja, fl-istess ħin, qalet li t-tfal li ħarbu kienu jinsabu mil-ġdid fi ħdan familthom, iżda ma provdiet l-ebda dettalji dwar il-ħarba.

Dan meta l-militar Niġerjan qed iwettaq azzjoni intensiva fuq bażi ta’ ‘search and rescue’ bil-għan li jsalva lil xi 265 student u 12-il għalliem li baqgħu miżmuma mill-grupp armat inkwistjoni.

L-awtoritajiet f’diversi Stati tan-Niġerja, fl-aħħar jiem, ħarġu direttivi għall-għeluq tal-iskejjel – u wara li kien seħħ ukoll ħtif simili fl-Istat ta’ Kebbi; din id-darba minn boarding school, fejn madwar  30 studenti żgħar spiċċaw f’idejn grupp ieħor ta’ irġiel armati.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Niġerjan Bola Tinubu ordna r-reklutaġġ ta’ 30,000 membru ieħor mal-Korp tal-Pulizija bħala parti mit-tisħiħ tal-kampanji għas-sigurtà fl-aktar zoni perikolużi ta’ dan il-pajjiż Afrikan.