Lokali Parlament

It-tfal kollha għandhom jingħataw l-opportunitajiet biex jgħixu b’dinjità

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-parlament li t-tfal kollha għandhom jingħataw l-opportunitajiet biex jgħixu b’dinjità.

Hu qal li għalkemm pajjiżna mexa passi kbar fl-inklużjoni ta’ kull persuna xorta waħda persuni b’diżabiltà u b’newrodiverenza u l-familji tagħhom għandhom sfidi li jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-letterattura xjentifika turi li l-interventi f’età bikrija; minn sena sa ħames snin huma kruċjali fl-iżvilupp ta’ dawn it-tfal. F’dawn il-mumenti kritiċi dawn it-tfal qegħdin jistennew fil-lista ta’ stennija fis-CDAU.

Għalkemm il-professjonalisti li jaħdmu fi CDAU jaħdmu sew, l-ambjent u l-waiting list – li hija ta’ fuq minn sena. Ħafna drabi l-ġenituri jkollhom jieħdu lil uliedhom fil-privat. Għalkemm f’dan il-baġit kien hemm żieda għal ispejjeż ta’ terapija, kulħadd jaf li dan mhuwiex biżżejjed

Nuqqas ieħor huwa li wara li jgħaddu minn CDAU u jibdew jattendu l-iskola, numru ta’ dawn it-tfal jispiċċaw mingħajr LSEs. Jidher ċar li hemm nuqqas ta’ LSEs u xi whud b’nuqqas ta’ preparazzjoni fis-suġġetti ta’ newrodiverġenza.

Mhux l-ewwel darba wkoll li l-ġenituri jintalbu biex ma jibqgħux jġibu dawn it-tfal jew inkella jġibuhom darba jew darbtejn fil-ġimgħa għal tnjen jew tliet sigħat. Hemm ukoll child centres privati li ma jaċċettawx dawn it-tfal.

Dan kollu qed iwassal biex dawn it-tfal minn età bikrija qed ikunu mwarrba. Hu qal li hemm frammentazzjoni tas-servizz u tad-deċizjonijiet fuq livell ta’ policy.

Din il-frammentazzjoni fl-edukazzjoni, is-saħħa u l- politika soċjali qed idgħajjef l-kwalità tal-interventi tagħna. Wasal iż-żmien li l-Ministru responsabbli mill-inklużjoni u n-newrodiverġenza jkollu r-responsabbiltà ta’ deċiżjonijiet totali mingħajr ma jiddependi minn ministeri oħra li jista’ ikollu ħsibijiet u prijoritajiet differenti.

Wasal iż-żmien li dan il-ministeru jkun one stop shop tas-servizzi u policies kollha kollha li dawn it-tfal u l-familjari tagħhom ikollhom bżonn.

Hu qal li t-tfal kollha għandhom jingħataw l-opportunitajiet biex igħixu b’dinjità.