Lokali

Keith Azzopardi Tanti jammetti li qiegħed f’kuntatt ma’ Joseph Muscat

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ammetta illi, bħall-mexxej tiegħu, hu qed jikkomunika mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Iżda, fl-istess nifs – b’ansjetà evidenti – iddikjara li ma jikkomunikax miegħu b’mod frekwenti.

Meta affaċċjat bil-mistoqsijiet ta’ Net News Azzopardi Tanti ammetta li jikkomunika ma’ Muscat; l-istess kif jagħmel il-Mexxej tiegħu Robert Abela.

Net News staqsa wkoll dwar il-konsulenza tal-eks Ministru Chris Cardona wara li fl-aħħar jiem, Azzopardi Tanti ħarab milli jwieġeb dwar din it-tema.

Iżda sin id-darba, is-Segretarju Parlamentari spjega li hu sodisfatt bix-xogħol ta’ Cardona speċjalment fejn tidħol l-ekonomija.

Fl-aħħar xhur il-Gvern Laburista jidher biċ-ċar li qed jerġa’ jinħakem mill-klikka ta’ Joseph Muscat, Jason Micallef u Neville Gafa. Fejn l-estremisti tal-Labour reġgħu qed jikkontrollaw l-establishment.

L-ewwel bir-ritorn tal-eks Chief of Staff Keith Schembri mbagħad l-għotja ta’ kuntratt lil Chris Cardona. U issa anke Muscat innifsu li mhux biss ingħata siegħa u fuqhom fuq is-Super One, iżda kien ikkonfermat li anke qed jingħata aktar setgħa mill-kurituri ta’ Kastilja.