Lokali Qorti

Konfermata multa ta’ €1,500 u sospensjoni tal-liċenzja għal tliet snin għal nassab

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ma bidlet xejn mis-sentenza tal-Ewwel Qorti fil-każ ta’ Marju Camenzuli, nassab akkużat li wettaq insib illegali fil-Mellieħa fl-2023, wara li kien appella biex titħassar is-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati li sabitu ħati u mmultat €1,500. Kienet ikkonfermata wkoll is-sospensjoni tal-liċenzja għal tliet snin.

Il-każ imur lura għall-11 ta’ Novembru 2023, meta għall-ħabta ta’ għaxra u nofs ta’ filgħodu l-Pulizija rċeviet rapport minn ċittadin, li kien indika b’mod preċiż mansab li ma deher imkien fuq il-mappa uffiċjali tas-siti rreġistrati. Meta waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu l-mansab armat bix-xibka u attiv, flimkien ma’ għasafar tal-għana li xi wħud minnhom ma kellhom l-ebda ċurkett obbligatorju.

Camenzuli ċaħad li wettaq xi ħaġa illegali iżda ammetta li kien jaf li l-post li kien fuqu ma kienx irreġistrat. Fil-proċeduri tal-ewwel istanza l-Qorti sabitu ħati mhux biss li nasab fuq sit mhux approvat, iżda wkoll li kellu fil-pussess għasafar mhux bla ċurkett u li uża għasafar għat-taħrik mhux skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-liċenzji speċjali.

L-appellant insista li l-akkużi kienu difettużi sa mill-bidu, sostnut li l-lokalità fl-akkuża kienet indikata ħażin bħala “Manikata, fil-limiti tal-Mellieħa”, meta fil-fatt jaqgħu fir-raħal tal-Mellieħa. Huwa argumenta li dan id-dettall materjali wassal biex il-prosekuzzjoni tonqos milli tipprova każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Madanakollu, il-Qorti tal-Appell qalet b’mod ċar li ċ-ċitazzjoni kriminali hija primarjament avviż biex l-imputat jidher quddiem il-Qorti u mhux l-att li fuqu tinbena l-prosekuzzjoni. Il-Qorti enfasizzat li l-lok kien indikat bi preċiżjoni biżżejjed, u li l-imputat kellu diversi opportunitajiet matul is-seduti biex jipprepara d-difiża tiegħu b’mod adegwat. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda għawġ li xekkel id-dritt tiegħu għal ġudizzju ġust.

Barra minn hekk, ix-xhieda tal-Pulizija, tar-rappreżentanti tad-Diviżjoni tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, u taċ-ċittadin li għamel ir-rapport, kollha kkonfermaw li l-insib kien fih għasafar li ma kinux skont ir-regolament, u li s-sit ma kienx reġistrat. Dawn il-fatti, qalet il-Qorti, kienu biżżejjed biex jikkonfermaw il-ħtija.

Fir-rigward tal-piena, Camenzuli argumenta li s-sospensjoni ta’ tliet snin tal-liċenzji kollha relatati mal-kaċċa kienet eċċessiva. Iżda l-Qorti tal-Appell qieset li l-piena ma kinitx żbaljata fil-prinċipju u lanqas sproporzjonata meta wieħed jikkonsidra n-natura tar-reati u l-ħtieġa li jiġu mħarsa l-obbligi legali marbuta mal-insib u ż-żamma tal-għasafar. B’hekk, il-Qorti tal-Appell kienet kategorika: is-sentenza tal-ewwel Qorti kienet waħda ġusta u meħtieġa, u l-appell ta’ Camenzuli ġie miċħud kollu kemm hu.