Lokali Qorti

Kumpanija tat-tindif takkuża lil KM Malta b’favoritiżmu f’kuntratt mogħti lil kumpanija marbuta maċ-Chairman David Curmi

Kumpanija fil-qasam tas-servizzi tat-tindif qed jakkużaw lill-KM Malta Airlines bi preferenza indebita f’kuntratt li ngħata lil kumpanija marbuta direttament maċ-Chairman Eżekuttiv tal-linja nazzjonali, David Curmi.

Il-kumpanija Floorpul Limited, li tgħid li ilha għal 10 snin tipprovdi s-servizz tat-tindif tal-ajruplani li jinżlu Malta, ressqet protest ġudizzjarju kontra l-linja tal-ajru fejn sostniet li l-kuntratt ingħata bi ksur ta’ kunflitt ta’ interess “evidenti”.

Skont Floorpul, il-linja tal-ajru bagħtet email lil għadd ta’ kumpaniji magħżula – iżda mhux identifikati – biex jissottomettu offerti għas-servizzi tat-tindif tal-ajruplani. Minkejja dan, il-kuntratt ingħata lil Aviation Services Handling Limited, entità li Floorpul tgħid li ma setgħet l-ebda ssir verifika dwar jekk kellhiex il-liċenzji meħtieġa u lanqas ma kienet possibbli tkun taf kif ittieħdet tali deċiżjoni, peress li ma ngħatat l-ebda opportunità ta’ appell.

Fil-protest tagħha, Floorpul semmiet żewġ numri ta’ reġistrazzjoni differenti – C-103226 u C-102283 – li jirreferu għal żewġ kumpaniji marbuta bejniethom. Dokumenti pubbliċi juru li David Curmi, li jmexxi l-maniġment ta’ KM Malta Airlines, huwa direttur ta’ Aviation Services Handling Limited (C-103226), li hija proprjetà prinċipali ta’ Aviation Services Handling Malta Limited (C-102283).

Air Malta plc hija wkoll elenkata bħala azzjonist f’din l-entità. Curmi fl-istess ħin huwa direttur ta’ KM Malta Airlines (C-106851), il-linja tal-ajru proprjetà tal-Istat. Min-naħa tagħha, Floorpul għandha direttur wieħed, Paulette Gafa.

Floorpul sostniet li fit-3 ta’ Novembru bagħtet ittra uffiċjali lill-linja tal-ajru permezz tal-avukat tagħha, iżda qatt ma rċeviet tweġiba. Fil-protest ġudizzjarju, il-kumpanija qalet li s-sitwazzjoni tikkostitwixxi kunflitt serju ta’ interess, bil-diretturi tal-linja tal-ajru “jagħtu servizzi li jiswew eluf ta’ ewro lil kumpaniji li huma diretturi fihom ukoll”.

Għaldaqstant, talbet li l-proċess RFP-11072025 jitħassar, li l-kumpanija li ngħata lilha l-kuntratt tiġi skwalifikata, u li x-xogħol jingħata lil operaturi li jaqblu mal-liġi. Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukat Edward Gatt.