Is-suldati Ukreni li qed jiġġieldu mal-qawwiet Russi fuq il-fronti tal-gwerra xejn mhuma kuntenti bil-mod kif mexjin in-negozjati għall-waqfien tal-gwerra li ilha għal kważi erba’ snin fl-artijiet tal-Ukrajna.
Dan minkejja li l-President Donald Trump u l-Gvern Amerikan qed jgħidu li sar progress fil-pjan ta’ paċi li ressaq l-istessTrump u li qed jidher maħdum favur ir-Russja — tant li l-President Russu Vladimir Putin kapaċi jingħata dak kollu li ried sa minn qabel it-truppi tiegħu invadew l-ibliet tal-Ukreni fl-2022.
Fl-aħħar sigħat, in-negozjaturi Amerikani u Ukreni kienu qed jaħdmu fuq il-proposti fost l-istqarrijiet li lesti jkomplu bit-taħditiet dwar l-abbozz għall-paċi.
Iżda s-suldati Ukreni fid-Donbas – li hu l-aktar reġjun importanti għall-futur tal-Gvern tagħhom — qed iwasslu l-messaġġ li mhumiex se jappoġġjaw pjan li litteralment ‘jirregala l-art lir-Russi wara daqstant atroċitajiet li t-truppi tal-Kremlin wettqu fuq nieshom’.
U filwaqt li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed ikompli bit-trattativi, il-maġġoranza tat-truppi Ukreni qed ifissru l-abbozz oriġinali tal-pjan għall-paċi mressaq mill-Istati Uniti bħala ‘abbozz ta’ mistħija li ma ħaqqux l-attenzjoni tal-Ukreni li qed jiġġieldu għas-sovranità ta’ pajjiżhom.’
Il-President Zelensky, għalissa, jinsab attent biex ma jikkritikax jew jiċħad l-abbozz tal-pjan għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan waqt li Washington qed jipprova jipperswadi lill-komunità internazzjonali li l-Ukrajna, fil-fatt, kienet ‘involuta’ fit-tfassil tal-pjan li d-dettalji tiegħu saru magħrufin biss wara l-laqgħat bejn ir-Rappreżentanti magħżulin tal-Istati Uniti u r-Russja….Laqgħat li, fil-fatt, saru mingħajr is-sehem tal-Ukreni u tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Zelensky, fil-preżent, qed jgħid li l-Ukrajna teħtieġ il-paċi u li se tkompli għaddejja bil-proċess diplomatiku, fost it-tamiet dwar il-futur. Hu saħaq ukoll li l-Ukrajna tinsab lesta bl-inizjattivi ‘kostruttivi u onesti’ bħala parti mill-impenji għall-paċi.
Madankollu, it-tħassib fost it-truppi ta’ Zelensky hu wkoll rifless fost il-poplu Ukren li xejn mhuma favur il-proposti tal-Amerikani għall-paċi….Proposti li jinkludu l-irtirar totali mir-reġjun kollu tad-Donbas; it-tnaqqis drastiku fil-qawwiet tal-Ukrajna u t-tfassil ta’ politika li telimina darba għal dejjem il-possibbiltà ta’ kontinġent militari internazzjonali għaz-zamma tal-paċi fl-Ukrajna.
‘Ikunu ingrati jekk ma jaċċettawx il-pjan’
Fil-fatt, mhux eskluż li l-Ukrajna, minkejja r-rieda ta’ Zelensky għal kompromess aċċettabbli, ‘il quddiem, tasal biex tirrifjuta għal dawn il-kundizzjonijiet. Dan ukoll minkejja li l-PresidentTrump qed isostni li ‘l-Ukreni jkunu tassew ingrati’ jekk huma, fl-aħħarnett, ma jaqblux dwar il-proposti tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-President Putin qed jappoġġja l-pjan ta’ Trump għat-tmiem tal-gwerra fost il-kummenti li dan il-pjan kapaċi jifforma l-bażi ta’ ftehim għall-paċi permamenti.
Dan ukoll waqt li Zelensky, għall-kuntrarju, qed itenni li l-Ukrajna qed tiffaċċja wieħed mill-aktar mumenti diffiċli fl-istorja tagħha….Hu qal li l-Ukrajna qed tissogra li titlef lill-Istati Uniti bħala alleat f’sitwazzjoni fejn Washington qed iwettaq il-pressjoni fuq Kiev biex jaċċetta u jimplimenta l-kundizzjonijiet li ma jaqbillux, fiċ-ċirkustanzi.
Intant, il-President Trump qed jgħid li nhar il-Ħamis huwa deadline ‘perfett’ għall-Ukrajna biex taċċetta l-pjan tiegħu – bi Kiev, fil-preżent, qed janalizza sitwazzjoni li kapaċi tħalli riperkussjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri tal-Ukreni.
Dan ukoll meta l-pjan tal-Istati Uniti ma taħsibx għall-possibbiltà li r-Russja, ‘il quddiem, tiddeċiedi li tinvadi mill-ġdid lill-Ukrajna u f’sitwazzjoni fejn l-Ukreni jkunu neqsin mir-riżorsi biex jiddefendu lilhom infushom.
//= $special ?>

