Lokali

Legal notice minn Robert Abela li tgħolli l-prezz tal-mediċini

Il-Gvern ta’ Robert Abela daħħal baxx baxx legal notice li tolqot il-miżati tal-awtorita tal-mediċini u t-tariffi għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali ġodda.

Dan ġie żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’attivita politika li saret il-Ħadd filgħodu, fl-Isla fejn tenna illi minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela ftaħar li l-Budget kellu jkun mingħajr taxxi, dawn it-tariffi l-ġodda fuq is-settur tal-mediċini huma piż addizzjonali – ħlasijiet li huma eżorbitanti, u li se jħallu impatt negattiv fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Legal Notice daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Ottubru; biż-żidiet f’ċerti każi huma ta’ aktar minn elf ewro. Dawn se jkunu qed iħallu impatt fuq l-importaturi tal-mediċini imma wkoll fuq il-konsumatur – jiġifieri l-pazjent u kull min għandu bżonn jixtri mediċina, għax se jkun qed jixtri mediċini bi prezz għoli.

Apparti minn hekk, il-miżata biex wieħed jakkwista liċenzja biex jiftaħ spiżerija u anke l-miżata annwali biex iżomm spiżerija issa għoliet b’mod li f’ċerti każi saħanistra tripplat.

Għall-kuntrarju ta’ dan kollu, Alex Borg tenna kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jipprovdi servizz ta’ tabib bla ħlas għall-anzjani f’każijiet akuti. U se jkun qed joħloq ukoll bord mediku u soċjali li jħares lejn l-impatt tal-bżonnijiet mediċi fuq il-kwalità tal-ħajja – b’mod speċjali fejn hemm bżonn ta’ kirurġija ortopedika fuq l-anzjani.

Intant, iż-żidiet fuq l-importaturi tal-mediċini ma ssemmew imkien minn Robert Abela, u ddaħħlu minn wara dahar kulħadd.

Dawn, se jiżdiedu mal-problemi eżistenti fil-qasam tas-saħħa, fosthom il-waiting lists ma jispiċċaw qatt, il-medċini out-of-stock, u l-kjuwijiet fl-isptarijiet li mhumiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.