Clyde Piscopo Garzia ta’ 29 sena residenti Santa Lucia ma nstabx ħati hekk kif il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ddeċidiet li l-Prosekuzzjoni falliet milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien hu l-persuna li kienet qed issuq iż-żiemel li ħarab fit-triq prinċipali ta’ Tal-Barrani fiż-Żejtun, u li kien qed isuq dan iż-żiemel bla permess – f’inċident li seħħ fil-30 ta’ Ġunju 2024.
L-inċident seħħ filgħodu, għall-ħabta tat-9:15 meta żiemel li kien b’karrettun ħarab fit-triq u laqat karozza Mazda Demio misjuqa minn Nevise Demicoli. Ix-xhud qalet li kienet qed tistenna fuq il-lane kontra tagħha fuq il-lights ħomor meta f’daqqa waħda rat iż-żiemel ġej b’veloċità “sfrattat”, kif qalet hi, u ħabat direttament fil-vettura tagħha u hi spiċċat fi stat ta’ paniku.
Irrżiżulta li l-annimal baqa’ sejjer waħdu u li ma kienx hemm rikkieb fil-ħin tal-impatt. Xhud ieħor, Jonathan Spiteri, dilettant taż-żwiemel, xehed li kien għaddej minn hemm meta ra iż-żiemel jiġri waħdu u mar jiġri warajh bil-ħsieb li jipprova jaqbdu.
Spiteri qal li rnexxielu jikkontrolla l-annimal wara ftit metri u, permezz ta’ kuntatti fil-komunità tad-dilettanti, aktar tard sar jaf li ż-żiemel kien ta’ Clyde Piscopo Garzia. Madankollu, ammetta wkoll li ma ra l-ebda persuna fuq iż-żiemel fil-mument tal-inċident.
Il-Prosekuzzjoni kienet akkużat lil Piscopo Garzia b’numru ta’ ksur relatati ma’ liċenzjar, sigurtà, assigurazzjoni u ħsarat kawżati b’nuqqas ta’ ħsieb. Imma l-Qorti qalet li l-provi kollha ma wasslux biex jintwera b’mod ċar min kien qed isuq jew imexxi iż-żiemel fil-ħin kritiku. Ma ġiet ippreżentata l-ebda filmat, lanqas ritratti jew CCTV, u lanqas ġiet prodotta prova diretta li tgħaqqad lill-imputat mal-mument tal-impatt.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-verżjoni tal-fatti li kienet ingħatat mill-avukat waqt l-interrogazzjoni mal-pulizija ma setgħetx tiġi attribwita lill-imputat innifsu, għax ma sar l-ebda ġurament jew awtorizzazzjoni ċara skont il-liġi. Dan wassal biex l-istqarrija ma kellha ebda valur bħala prova kontra l-imputat.
Il-Maġistrat għalhekk qalet li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali ma ntlaħaqx. “Il-provi ma jimmaterjalizzawx ruħhom,” sostniet il-Qorti, u għalhekk iddikjarat lil Piscopo Garzia mhux ħati fuq il-kapi kollha tal-akkuża, u lliberatu minn kull piena jew konsegwenza oħra. Il-każ ingħalaq b’konferma li l-ħsarat lill-vettura Demio, li kienet koperta b’full insurance, tħallsu mill-kumpanija tal-assigurazzjoni.
//= $special ?>

