Lokali Qorti

Miċħuda talba biex Imħallef tirrikuża ruħha minn kawża kostituzzjonali

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ċaħdet it-talba ta’ Anna Muscat biex l-Imħallef Doreen Clarke tirrikuża ruħha mill-kawża kostituzzjonali li fetħet hi kontra l-Istat, li fiha qed tafferma li nkiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

Muscat kienet talbet ir-rikuża wara li l-Imħallef kienet diġà ddeċidiet fuq talba preċedenti tagħha għal miżura proviżorja, deċiżjoni li fiha Muscat qalet li l-Qorti diġà esprimiet ruħha fuq il-mertu tal-kawża prinċipali.

Din il-miżura kienet tfittex li tissospendi l-inkarigu tal-perit Mario Cassar — maħtur minn sentenza tal-Prim’Awla tal-2022 fil-kawża bejn membri tal-familja Muscat — sakemm tiġi deċiża l-kwistjoni kostituzzjonali.

Id-digriet tal-20 ta’ Ottubru li ċaħad din it-talba kien fih osservazzjoni preliminari li Muscat ma kinitx uriet prima facie li d-dritt tagħha għal smigħ xieraq kien inkiser, u għalhekk, skont l-argument tagħha, l-Imħallef kienet tkun ġa daħlet fil-mertu.

Iżda l-Qorti ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni. Fil-konsiderazzjonijiet tagħha, l-Imħallef Clarke spjegat li l-eżami li jagħmel ġudikant meta jiddeċiedi talba għal miżura proviżorja huwa wieħed totalment differenti minn dak li jsir fil-mertu, u huwa limitat għal valutazzjoni preliminari biex tiġi kkonfermata jekk hemmx każ prima facie u jekk hemmx riskju ta’ ħsara irrimedjabbli.

Il-Qorti saħqet li tali konsiderazzjonijiet qatt ma jistgħu jitqiesu bħala deċiżjoni fuq is-sustanza tal-kawża. Anzi, hija sostniet li kieku ma tagħmilhomx, kienet toħloq il-periklu li tiddeċiedi miżuri sensittivi mingħajr spjegazzjoni, li hu wkoll kontra l-ġustizzja.

Il-Qorti fakkret ukoll fil-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza lokali u Ewropea dwar l-imparzjalità tal-ġudikanti. L-istandard huwa wieħed oġġettiv: mhuwiex biżżejjed li parti “tħoss” jew “tissuspettà” parzjalità, iżda trid turi raġuni konkreta li tressaq dubju serju u ġustifikat.

F’dan il-każ, qalet il-Qorti, l-argument ta’ Muscat ma kien ibbażat fuq l-ebda fatt oġġettiv, iżda fuq interpretazzjoni żbaljata tan-natura ta’ miżura proviżorja. Il-Qorti osservat ukoll li t-talba tar-rikorrenti tirriskja li tifforma tip ta’ forum shopping — tentattiv biex jinbidel il-ġudikant minħabba deċiżjoni li ma togħġobx lill-parti — xi ħaġa li l-liġi u l-ġurisprudenza jikkundannaw b’mod ċar.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rrimarkat li l-ġudikant għandu d-dmir fundamentali li joqgħod għall-kawżi assenjati lilu, u għandu jastjeni biss meta jkun hemm raġuni verament serja u oġġettiva li tagħmel l-astensjoni meħtieġa fl-interess tal-ġustizzja. Fil-każ ta’ Muscat, dan l-għaliex ma nstab l-ebda element li seta’ jqajjem dubju serju dwar l-imparzjalità tal-Imħallef.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għar-rikuża u ordnat li l-proċeduri kostituzzjonali jibqgħu għaddejin quddiem l-istess Imħallef.

L-ispejjeż tal-proċedura fuq it-talba tar-rikuża tħallew għall-attriċi.