Lokali Qorti

Multa ta’ €1,200 u liċenzja sospiża għal tliet xhur wara li laqat raġel fuq ‘zebra crossing’

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ikkundannat lil John Camilleri ta’ 72 sena, residenti Tas-Sliema għal multa ta’ €1,200, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur, u tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja. Dan fuq inċident li kkawża fuq ‘zebra crossing’ fil-Gżira fl-2019, li wassal biex anzjan ta’ 75 sena jweġġa’.

Mill-provi prodotti, inkluż il-footage tal-CCTV u t-testimonjanza tal-vittma jirriżulta li kien hemm nuqqas ta’ attenzjoni dovuta min naħa tal-imputat u kif ukoll li s-sewqan minnu kien ta’ natura perikoluża. Dan, b’mod partikolari, meta wieħed jikkunsidra li l-inċident seħħ eżattament f’post fejn hemm “zebra crossing”, bil-Qorti tgħid li għalhekk kien mistenni li l-imputat jieħu prekawzjonijiet iktar stretti.

L-inċident seħħ fit-22 ta’ Frar 2019 fi Triq Reggie Miller, fejn il-vittma, John Baldacchino, kien qed jaqsam meta karozza Toyota skura, misjuqa minn Camilleri, resqet fuqu. Il-vittma xehed li l-vettura dehret qisha waqfet, iżda f’daqqa waħda “spidjat” lejh, u huwa pprova jilqagħha b’idu, qabel ma ntlaqat u weġġa.’. Minn dak il-jum ’il hawn, sostna li baqa’ jbati minn uġigħ fid-dahar.

Il-vittma rrakkonta wkoll kif wara li ntlaqat, segwa lill-imputat li kien daħal fiż-żona tal-parkeġġ qrib Zammit Clapp, fejn qal li l-imputat qallu li jekk jirrapportah, jista’ jispiċċa sentejn ħabs. Baldacchino ma ċediex, u ċempel lill-pulizija. Huwa pprovda wkoll footage mis-sistema CCTV tad-dar tiegħu, li kienet tħares eżatt fuq il-‘pedestrian crossing’ fejn seħħ l-impatt.

Ix-xhud ewlieni li mexxa l-investigazzjoni, l-eks pulizija Raymond Ambrogio, kkonferma li l-filmat jagħti indikazzjoni ċara li l-vettura kienet sejra b’veloċità eċċessiva u li l-vittma dehret tintlaqat. Għalkemm ma setax jidentifika n-numru tar-reġistrazzjoni mill-filmat, id-dettalji l-oħra fil-kawża għanhom kkonferma l-konnessjoni mal-imputat.

Il-Qorti osservat li l-post tal-inċident – ‘zebra crossing’ – jimponi obbligu akbar fuq is-sewwieqa biex jieqfu u jħallu lin-nies bil-pass jaqsmu. Fid-dawl tal-provi, inkluż ix-xhieda diretta tal-vittma u l-filmati mis-CD, il-Qorti kkonkludiet li Camilleri kien qed isuq b’mod li ma kienx la’ prudenti u lanqas konformi mar-regolamenti.

Għalhekk, irriżulta ħati ta’ sewqan bla kontroll, li ma waqafx għall-pedestrian crossing u li b’nuqqas ta’ ħsieb ikkawża ġrieħi ħfief fuq persuna oħra. Madankollu, il-Qorti ma sabitux ħati ta’ sewqan traskurat, perikoluż jew tal-akkuża li kien qed isuq bla kont skont il-formulazzjoni oħra tal-liġi, billi l-elementi ta’ dawn il-kapi ta’ akkuża ma ġewx ippruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.