Lokali Qorti

Multa ta’ €2,000 u skwalifika tal-liċenzja wara li nstab responsabbli għal inċident li fih weġġgħet koppja

Raġel ta’ 55 sena, David Borg residenti Birkirkara, ġie kkundannat iħallas multa ta’ €2,000 mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab responsabbli għal inċident serju tat-traffiku li seħħ f’Jannar li għadda f’Santa Venera, u li fih żewġ persuni li kienu fuq mutur sofrew ġrieħi, fosthom wieħed bi ġrieħi gravi.

Il-każ, li seħħ fit-12 ta’ Jannar għall-ħabta tal-10.30 pm, kien jinvolvi mutur misjuq minn Kandoth Ashiq Moideen u martu Kaniyarakkal Shaniba, li kienu qed jirritornaw id-dar wara x-xogħol. Ix-xhieda tal-vittmi rrakkuntat li kienu qed isuqu fit-triq prinċipali meta Borg, li kellu l-karozza pparkjata fil-ġenb tat-triq quddiem il-Ministeru f’Santa Venera, daħal f’nofs il-karreġġjata mingħajr ma kellu attenzjoni biżżejjed.

Il-mara rrakkuntat li ma raw ebda sinjal jew indikazzjoni qabel il-karozza daħlet fit-triq, u spjegaw li l-vettura ħarġet f’angolu, biżżejjed biex taqbad il-mutur li ma setax jevita l-impatt minkejja li s-sewwieq daqq il-ħorn u pprova jbiddel il-korsa.

L-inċident ħalla lil Moideen b’korriment serju, kif iċċertifikat minn Mater Dei Hospital, filwaqt li martu sofriet ġrieħi ħfief. Fit-testimonjanza tiegħu, Borg ammetta li kien qed joħroġ mill-parkeġġ meta seħħet il-ħabta, iżda sostna li ma kien ra lil ħadd ġej minkejja li ħares darbtejn jew tlieta lejn il-mera.

Żied jgħid li kienet ix-xita u li t-twieqi tal-karozza kienu magħluqa, u għalhekk ma setax jiddetermina minn fejn kien ġej il-ħoss tal-ħorn. Hu ddeċieda jieqaf kif sema’ l-ħorn, iżda kien f’dak il-mument li l-mutur, skont ix-xhieda tiegħu stess, “daħal fil-bumper” u skiddja fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Borg insista wkoll li l-vittmi ma kinux liebsin elmu — xi ħaġa li ż-żewġ vittmi ċaħdu b’mod kategoriku. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qieset ix-xhieda kollha, inkluża dik tal-pulizija u ċ-ċertifikati mediċi tal-vittmi.

Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Maġistrat osservat li l-imputat falla fl-obbligu bażiku ta’ “proper lookout”, jiġifieri li jiżgura li l-karreġġjata kienet ‘clear’ qabel beda l-manuvra biex joħroġ minn stat wieqfa. Dan l-obbligu, qalet il-Qorti, huwa kruċjali meta vettura tkun qed tibda tiċċaqlaq minn parkeġġ u f’dan il-każ żgur ma ġiex osservat.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti sabet lil Borg ħati tal-akkużi kollha li kienu jinkludu li kkaġuna ġrieħi gravi u ħfief b’nuqqas ta’ ħsieb u li saq b’mod perikoluż. Hija kkundannatu multa ta’ €2,000, ordnat l-iskwalifika mil-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur u tnaqqis ta’ sitt punti miċ-ċertifikat tas-sewqan tiegħu.