Il-Qorti tal-Magistrati kkundannat lil Martin Agius, ta’ 57 sena minn Tas-Sliema multa ta’ €2,329.37ċ. tliet xhur sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja. Dan wara li nstab ħati li kkawża inċident serju fuq zebra crossing f’Ta’ Giorni f’Jannar tal-2024, li fih mara weġġgħet b’mod gravi.
L-inċident seħħ fit-9 ta’ Jannar għall-ħabta tas-6:20 ta’ filgħaxija fi Triq il-Mensija, meta Suzana Djoric kienet qed taqsam il-passaġġ bil-pass qrib id-dar tagħha. Hija rrakkontat li kienet ħarset lejn iż-żewġ naħat diversi drabi, u ma rat lil ħadd riesaq. Meta kienet waslet biex tispiċċa taqsam, f’daqqa waħda semgħet ħoss qawwi u nstabet mal-art, wara li ntlaqtet minn mutur misjuq minn Agius.
Djoric qalet li għall-ftit sekondi tilfet minn sensiha u meta rkuprat, rat lil Agius bilqiegħda mal-art ftit metri ’l bogħod minnha, iżda li ma resaqx jistaqsi jekk hix sew. Minħabba l-konfużjoni u x-xokk, ma kinitx taf min ċempel għall-ambulanza, iżda eventwalment ittieħdet l-isptar, fejn instab li kellha kustilja miksura u ġrieħi fl-irkoppa u l-idejn.
Min-naħa tiegħu, Agius ammetta li kien waqa’ mal-art u stqarr li “stordejt”, u li kien ilu għal xi żmien isofri episodji ta’ sturdament minħabba kundizzjoni relatata maż-zokkor. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, osservat li l-post tal-inċident kien zebra crossing, li skont il-liġi jimponi livell għoli ta’ attenzjoni fuq is-sewwieqa, speċjalment fid-dawl li kienet filgħaxija u triq b’ħafna traffiku.
Il-provi kollha, inklużi l-affidavits tal-persuni li attendew fuq il-post u ċ-ċertifikati mediċi, ikkonfermaw li l-imputat kien qed isuq mingħajr liċenzja, li ma naqqasx il-veloċità kif suppost, u li l-inċident seħħ minħabba nuqqas ta’ kontroll u osservazzjoni adegwata.
Il-Qorti qieset ukoll ix-xhieda ta’ Agius li ammetta li jaf jgħaddi minn episodji ta’ telf ta’ sensi, u li minkejja dan kien xorta waħda qiegħed isuq. F’konklużjoni, il-Qorti sabit lil Agius ħati ta’ sewqan perikoluż, sewqan mingħajr liċenzja, li ma waqafx jew ma naqqasx il-veloċità meta resaq lejn passagg bil-pass, u li b’nuqqas ta’ ħsieb ikkawża ġrieħi gravi fuq persuna.
Huwa nħeles mill-akkużi ta’ sewqan traskurat u bla kont. Agius ġie kkundannat għal multa li tgħaddi ftit minn €2,329.37ċ. tliet xhur sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u tnaqqis ta’ sitt punti mil-liċenzja. Is-sentenza ttemmet b’konstatazzjoni ċara tal-Qorti li l-imputat kellu jżomm lura milli jsuq jekk kien jaf jew kellu raġuni jissuspetta li setgħet tiġi mhedda l-kapaċità tiegħu li jikkontrolla l-vettura.
//= $special ?>

