Opinjoni

OPINJONI: 24 siegħa ta’ terrur fuq Egyptair

Marksman tal-Armata Maltija (isfel tar-ritratt) jidher taħt iċ-ċint barra l-periferija tal-ajruport isegwi -moviment kollha fil-bokka tal-ajruplan hekk kif tliet irġiel dehru jixirfu ’l barra, fosthom wieħed mill-pirati – Ali Rezaq – b’barnuża f’rasu jarmi kaxxi tal-ikel vojta fuq ir-runaway.
L-40 anniversarju mit-traġedja tal-Egyptair f’Malta... x’ġara eżattament, minuta b’minuta, mit-tluq f’Ateni sal-attakk infami tal-Commandos Eġizzjani

Victor Camilleri
Eks Editur ta’
In-Nazzjon u Il-Mument

Orrur u terroriżmu

L-akbar traġedja f’Malta li ħalliet 60 persuna mejta

Il-każ tal-ħtif tal-ajruplan tal-Egyptair bejn it-23 u l-24 ta’ Novembru 1985, maħtuf fl-ajru minn terroristi Palestinjani, u li spiċċa bl-aktar mod traġiku f’pajjiżna, mhux biss għadu meqjus bħala l-akbar traġedja li qatt seħħet fuq art Maltija, iżda hu wkoll imsemmi fost l-aktar hijacking drammatiku u atroċi fl-istorja tal-avjazzjoni mondjali.
Dawk li jiftakru x’kien seħħ f’dawk il-jumejn f’dak l-ajruplan statiku fl-ajruport tagħna, jiftakru wkoll b’diqa partikolari, ‘żbalji’ li saru tul dik il- ġrajja, l-aktar min-naħa Eġizzjana iżda sfortunatament xejn b’inqas minn tmexxija inesperta, b’deċiżjonijiet assurdi, min-naħa Maltija wkoll.
Hu x’inhu l-każ, li għadu jkun diskuss u kummentat sal-ġurnata tal-lum b’mod speċjali f’oqsma relatati mas-sigurtà tal-avjazzjoni, jibqa’ l-fatt li minxurin bla ħajja fl-art ta’ hanger f’Ħal Luqa spiċċaw 60 persuna, fil-biċċa l-kbira tagħhom intortament għalkollox.
Kien dan l-epilogu kiebi ta’ orrur kaġunat minn terroriżmu li jaħseb u jippretendi li b’hekk jista’ jirbaħ xi battalja, ġusta kemm hi ġusta, mentri fil-fatt iġib biss aktar vjolenza… u ċ-ċirku ma jieqaf qatt bla ma jkun solvut xejn.

Ir-ritratt tan-Nazzjon li dar id-dinja

IN-NAZZJON tat-Tnejn, 25 ta’ Novembru, 1985 – l-għada tat-traġedja.

IN-NAZZJON, bħal kull ġurnal ieħor lokali u internazzjonali, kien irrapporta b’ħafna dettall il-ġrajja li kienet qed tiżvolġi fuq, u madwar, ajruplan wieqaf f’parti pjuttost remota tal-ajruport tagħna.
Sa mill-ewwel ħjiel ta’ dan il-ħtif, ġurnalisti ta’ din il-gazzetta ġrew lejn qrib kemm setgħu ta’ fejn kienet qed isseħħ l-azzjoni. Bl-għajnuna ta’ ħabib li kien joqgħod mhux wisq ’il bogħod, ingħatajna aċċess għal binja li kienet tagħti bi dritt lejn fejn kien stazzjonat l-ajruplan f’Park 4 tal-ajruport.
Naturalment ma’ dawk il-ġurnalisti tagħna kien hemm il-fotografi bravi tagħna Guido Farrugia, Michael Ellul u l-mibki John Guillaumier.
Il-ħtif kien beda ftit wara t-8pm tas-Sibt 23 ta’ Novembru u kompla jiżvolġi l-ġurnata kollha tal-Ħadd. F’dik l-għodwa, ix-xogħol tal-fotografija kienet fdat f’idejn Michael Ellul u kien propju dak il-ħin li hu nzerta fil-pożizzjoni biex jaqbad fil-mira tiegħu lil dak li finalment kellu jkun il-protagonist – fin-negattiv, ovvjament – ta’ dik it-traġedja: il-Palestinjan Omar Mohammed Ali Rezaq.
Ġurnali u stazzjonijiet tat-televiżjoni barranin saru jafu bir-ritratt li, fi ftit tal-ħin, nistgħu ngħidu li dar mad-dinja kollha. Kien sehem importanti tal-gazzetta tagħna f’dik il-ġrajja ta’ niket li, intortament, daħħlet lil pajjiżna fl-‘istorja’.

Il-mumenti ewlenin tal-hijack

Fit-23 ta’ Novembru 1985, tliet hijackers tal-Organizzazzjoni Abu Nidal (ANO) ħatfu ajruplan tal-Egyptair, Titjira Nru 648 li minn Ateni fil-Greċja kien sejjer il-Kajr, il-kapitali Eġizzjana.
Il-pirati tal-ajru sfurzaw lill-pilota jniżżel l-ajruplan f’Malta fejn wara trattati li ma wasslu għal xejn, seħħ raid ‘goff’ minn Commandos Eġizzjani li wassal għall-mewt ta’ 56 passiġġier mid-90 li kien hemm. Żewġ terroristi u żewġ membri tal-ekwipaġġ tellgħu t-total ta’ vittmi għal 60.
FIL-QOSOR
■ Data: 23/24 ta’ Novembru, 1985
■ Ajruplan: Boeing 737 tal-Egyptair b’Titjira Nru 648
■ Hijackers: Tliet membri tal-ANO
■ Kif beda: It-terroristi jisfurzaw l-inżul f’Malta
■ Żvolta ewelnija: Il-Commandos Eġizzjani, bl-aktar mod diżorganizzat, jattakkaw l-ajruplan u dan wassal għall-mewt ta’ 60 persuna.
■ Wara t-traġedja: L-uniku pirata ħaj, Ali Rezaq, jittella’ l-Qorti f’Malta fejn kien sentenzjat għal 25 sena ħabs.

Ali Rezaq għadu f’ħabs fl-Istati Uniti
■ Ħafna jistaqsu x’sar minnu Ali Rezaq, il-protagonist ewlieni ta’ din il-ġrajja. Bħalissa
hu jinsab fil-Marion Penitentiary, f’Illinois, iservi sentenza ta’ għomor il-ħabs kif naraw
f’aktar dettall f’parti oħra ta’ dan l-artiklu.

ALI REZAQ… L-uniku li baqa’ ħaj u għadu jħallas ta’ għemilu

Ali Rezaq immanettjat, jidher dieħel għas-smigħtal-każ tiegħu f’awla speċjali li tlestiet apposta fil-Forti Sant’Iermu; u (taħt): Ali Rezaq, skortat minn uffiċjali tas-sigurtà, nieżel mill-ajruplan li fuqu wettaq azzjonijiet atroċi u fejn, fil-ġuri, kien sar aċċess mill-Qorti Maltija

Omar Mohammed Ali Rezaq, il-protagonista ewlieni tal-ħtif tal-ajruplan tal-Egyptair u li tniżżel f’Malta f’Novembru 1985, illum ta’ 58 sena, jinsab jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs li ngħata mill-Qorti Distrettwali tal-Columbia.
Hu kien wieħed mit-tliet hijackers li oriġinarjament ħatfu l-ajruplan waqt li kien fl-ajru fuq Titjira Nru. 648 minn Ateni għall-Kajr. Wara li dak li kien il-leader tal-pirati tal-ajru nqatel fuq l-ajruplan minn uffiċjal tas-sigurtà tal-Egytair, Rezaq ħa l-operazzjoni kollha f’idejh tant li kien hu li, kull tant ħin beda joħroġ lill-passiġġieri fuq quddiem u jisparalhom f’rashom… tnejn qatilhom u erbgħa rnexxielhom, b’xi mod, isalvaw.
Ali Rezaq, li trabba f’kamp tal-Palestinjani, kien membru tal-grupp terroristiku Abu Nidal. Hu nqabad mill-forzi tas-sigurtà Maltin wara li Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan u għamlu straġi sħiħa.
F’Malta, Ali Rezaq tressaq il-Qorti u wara proċess twil li żvolġa f’awla li tlestiet apposta fil-Forti Sant’Iermu, l-Imħallef Wallace Gulia ikkundannah għal 25 sena ħabs li minnhom għamel seba’ snin biss minħabba għadd ta’ amnestiji.
Il-Gvern Amerikan ipprotesta għall-ħelsien ta’ Rezaq minn Malta iżda l-Gvern Malti sostna li kollox kien skont ir-regoli u l-liġijiet Maltin u li Malta ma kinetx lesta tiddiskrimina.
Malli telaq minn Malta, Rezaq baqa’ sejjer il-Ghana mnejn ma damx wisq qabel ma telaq lejn in-Niġerja. Hemmhekk inħataf minn żewġ membri tal-FBI.
Huma ħaduh fl-Istati Uniti fejn għadda ġuri akkużat bi ħtif ta’ ajruplan, li qatel numru ta’ nies u li, bl-aġir tiegħu, wassal għall-mewt ta’ 60 persuna li kienu fuq l-Egyptair. Il-ġurija rrifjutat diversi eċċezzjonijiet miġjuba mid-difiża fosthom li fiż-żmien tal-ħtif Rezaq kien mentalment żbilanċjat, u ngħata l-piena ta’ għomor il-ħabs.
Ali Rezaq hu miżmum fil-United States Penitentiary, Marion, Southern Precinct, Williamson County f’Illinois.
L-Imħallef Amerikan Royce C. Lambeth, fis-sentenza tiegħu, qal li kwalunkwe talba għall-parole lil Rezaq għandha tkun miċħuda fl-10 snin ta’ wara. Hu rrikmanda wkoll li talba bħal din għandha tkun rifjutata anki wara dak il-perjodu minħabba fil-gravità ta’ dak li Rezaq wettaq.
Rezaq appella mis-sentenza iżda kienet konfermata fi-6 ta’ Frar, 1998.
Kevin Foust u Robert F. Clifford, iż-żewġ aġenti tal-FBI li arrestaw lil Rezaq f’Lagos fin-Niġerja u ħaduh l-Istati Uniti biex jgħaddi ġuri, kemm-il darba tkellmu fil-pubbliku dwar din l-esperjenza li kellha ċerti riskji.

Id-dettalji tal-hijack fi kliem il-Qorti Distrettwali ta’ Columbia

■ Il-Qorti Distrettwali ta’ Columbia fl-Istati Uniti tal-Amerika, li kienet qed tisma’ każi kontra
l-Jamahirija Soċjalista tal-poplu Libjan (il-Libja) fir-rigward tal-hijack tal-Egyptair f’Novembru 1985, fis-sentenza elenkatb’mod dettaljat kif seħħ dan il-ħtif. Dan hu, testwalment dak li kellhax’tgħid il-Qorti Amerikana.

Qatilhom kiesaħ u biered

It-titjira 648 tal-Egyptair kienet skedata li mill-Kajr tmur direttament il-Kajr minn Ateni, il-Greċja, nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru, 1985 fit-8pm.
Madwar 10 minuti wara t-tluq, l-ajruplan kien maħtuf (hijacked).
Wieħed mill-hijackers beda jipprovoka lill-passiġġieri billi jilgħab mal-pin tal-handgrenade waqt li fl-istess ħin jurihom arma tan-nar.
F’dak il-ħin Jackie Nink Pflug, passiġġiera Amerikana, qalgħet daqqa fuq rasha permezz ta’ arma tan-nar minn wieħed mill-hijackers
Fit-8.28pm ħin ta’ Malta, tliet hijackers tal-Organizzazzjoni Abu Nidal (ANO), li kienu jinkludu lil Omar Mohammed Ali Rezaq, ħadu għalkollox il-kontroll tal-ajruplan tal-Egyptair.
Il-hijackers ġiegħlu lil wieħed mill-ekwipaġġ imur fuq l-intercom tal-ajruplan u jgħid: “Din it-titjira hi maħtufa (hijacked) mir-Rivoluzzjoni Eġizzjana, u jekk tagħmlu kif jintqalilkom, m’intomx se tweġġgħu.”
Wara li ħadu l-kontroll assolut, il-pirati tal-ajru tal-ANO bdew ifittxu fost il-passiġġieri l-passaport tagħhom u jpoġġu lill-passiġġieri f’postijiet differenti minn kif kienu.
Il-hijackers ittrasferew ruħhom minn quddiem tal-ajruplan għal wara.
Madwar 30 minuta wara li ħadu l-kontroll tal-ajruplan, għall-ħabta tad-9pm, kien hemm sparatura bejn Marshal tal-Egyptair (li kien fuq l-ajruplan għas-sigurtà) u l-hijackers.
Il-fuselage (iż-żaqq tal-ajruplan) intlaqat mit-tiri sparati u l-ajruplan beda nieżel ġmielu jitlef mill-altitudni.
Minħabba li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-ajruplan ħtieġlu l-fuel, l-Egyptair tniżżel f’Malta fl-10.16pm.
Ftit wara li l-ajruplan niżel Malta, it-taraġ mobbli ttieħed biswit l-ajruplan u tabib tħalla jidħol ġewwa.
It-tabib iċċertifika li wieħed mill-hijackers li ntlaqat mill-Marshal tal-Egyptair, kien mejjet.
Waqt li t-tabib kien qed jgħin lill-Marshal Eġizzjan jinżel mill-ajruplan Ali Rezaq spara lejn il-Marshal u laqtu f’dahru.
Il-hijackers imbagħad talbu l-fuel u indikaw li kienu lesti joqtlu passiġġieri jekk it-talba tagħhom ma tintlaqax.
Hekk kif il-hijackers kienu qed jistennew li jasal il-fuel, huma reġgħu għamlu kuntatt man-negozjaturi Maltin u ħelsu xi passiġġieri skont in-nazzjonalità tagħhom kif determinata fuq il-passaporti tagħhom.
Il-hijackers issa bdew jheddu li jisparaw fuq passiġġier kull 15 minuta jekk ma jingħatawx il-fuel.
Wara li kienu lliberaw numru ta’ passiġġieri, Ali Rezaq sejjaħ lill-ewwel passiġġiera Iżraeljani, Tamar Artzi, sparalha f’rasha u tefagħha ’l barra mill-ajruplan għal fuq it-tarmak tal-ajruport.
Jackie Pfug kienet bilqiegħda ħdejn raġel Awstraljan, dan qal lil Pflug li l-mara Iżraeljana li ntremiet ’il barra mill-ajruplan, kienet qed tiċċaqlaq fuq it-tarmak.
Dwar dik il-mara, Pflug bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha: “Jiġri x’jiġri, tiċċaqlaqx, ippretendi li int mejta.”
Meta l-hijackers indunaw li l-mara Iżraeljana kienet għadha ħajja fuq it-tarmak, reġgħu sparawlha.
Madwar 15-il minuta wara li sparaw li Artzi, fil-12.15am, it-tieni passiġġiera, Nitzan Mendelson, kienet imkaxkra fuq quddiem tal-ajruplan u Ali Rezaq sparalha f’rasha.
Mendelson ukoll intefgħet ’il barra mill-ajruplan għal fuq it-tarmak
Wara li l-hijackers sparaw fuq dawn iż-żewġ Iżraeljani, Patrick Scott Baker, passiġġier Amerikan, ikkummenta ma’ passiġġiera li kienet ħdejh li kien imissu hu.
Madwar 15-il minuta wara l-isparar fuq iż-żewġ passiġġieri Iżraeljani, il-hijackers sejħu tliet passiġġieri Amerikani biex jersqu fuq quddiem.
Ftit qabel in-12.30pm Baker ittieħed ħdejn il-bieb tal-ajruplan.
Waqt li kien fil-bieb, Baker sema’ dak li kien qed jingħad fuq ir-radju mit-Torri tal-Kontroll ta’ Malta. “Waqqfu l-qtil tan-nies. Il-fuel jinsab fi triqtu.”
Baker tħalla jerġa’ jmur bilqiegħda.
Erba’ sigħat u nofs wara li t-titjira 648 tal-Egyptair kienet ħalliet Ateni, u erba’ sighat wara li kien beda l-ħtif wara li ra quddiem għajnejh l-isparatura fuq żewġ passiġġieri oħra, Baker reġa’ ttieħed ħdejn il-bieb tal-ajruplan. Ftit wara n-12.30am Rezaq sptar f’ras Baker minn distanza qrib.
Baker intefa’ mit-taraġ tal-ajruplan għal isfel u ġie prattikament f’nofs it-taraġ.
Baker sema’ tnejn min-nies neżlin it-taraġ. Dawn ġarrewh lura għal fuq l-ajruplan.
Il-hijackers imbagħad tefgħuh ’il barra mill-ajruplan għat-tieni darba u issa spiċċa fuq it-tarmak.
Baker għamel tabirruħu mejjet sakemm aċċerta ruħu li l-hijacker kien mar lura fuq l-ajruplan.
Baker irnexxielu jaħrab billi tkaxkar fuq it-tarmak lejn taħt l-ajruplan u mbagħad ġera.
Waqt li Baker kien qed jiġri fid-dlam fuq it-tarmak, hu ra lil xi ħadd li minn qalb ħaxix baxx fuq ix-xellug tiegħu kien qed jipponta azzarin lejh.
Baker dar biex juri li dik il-persuna li hu kellu jdejh marbutin wara dahru u b’hekk juri li ma kienx ta’ theddida u jiffranka milli jisparawlu.
Dak li pponta l-azzarin kien suldat Ingliż li seta’ ħaseb li Baker kien terrorista qed jaħrab mill-ajruplan.
Baker ittieħed b’ambulanza lejn sptar Malti.
Fil-fatt, Baker ittieħed fl-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa fejn, għal erbat ijiem, hu rċieva kura għal ferita f’rasu kaġunata mill-isparatura, u feriti oħrajn li ġarrab.
Fl-4.30am, ħin ta’ Malta, tmien sigħat wara l-bidu tal-ħtif, u wara li quddiem għajnejhom raw l-eżekuzzjoni ta’ passiġġieri oħrajn permezz ta’ sparatura, it-tieni passiġġiera Amerikana, Scarlett Rogenkamp, ittieħdet fuq quddiem fejn Rezaq sparalha għal rasha u qatilha.
Il-ġisem ta’ Rogenkamp ukoll intefa’ ’l barra fuq it-tarmak.
Rogenkamp, imbagħad, ittieħdet fl-isptar Malti fejn hemmhekk kienet identifikata minn Baker, li kien qed jinżamm għall-kura.
Fl-10am tal-Ħadd, 24 ta’ Novembru – ħin ta’ Malta – 13-il siegħa u nofs wara li beda l-ħtif, wara li rat quddiem għajnejha l-eżekuzzjoni ta’ passiġġieri permezz ta’ sparatura, Jackie Pflug, it-tielet passiġġiera Amerikana, issejħet quddiem u Rezaq sparalha f’rasha.
Bħal fil-każ tal-passiġġieri l-oħra li sparawlhom għal rashom, Pflug ukoll intefgħet fuq it-tarmak.
Pflug għamlet madwar ħames sigħat fuq it-tarmak, f’ħinijiet mhux f’sensiha, tippretendi li kienet mejta.
Jaslu l-mediċi Maltin ħdejn l-ajruplan u wara li jikkunsidraw lil Pflug bħala mejta, ipoġġuha f’ambulanza biex tittieħed fil-kamra mortwarja.
Meta dawn irrealizzaw li Pflug kienet ħajja, ittieħdet l-Isptar San Luqa fejn bdiet tingħata kura għall-ġrieħi li ġarrbet.
Sussegwentement Pflug saritilha kiruġija għall-ġrieħi f’rasha u kellha tgħaddi ħajjitha kollha tbati minn uġigħ u ssofri trawma fiżika u emozzjonali.
Fit-tieni jum tal-hijacking, il-Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan f’tentattiv biex jeħilsu l-kumplament tal-priġunieri u jwasslu l-każ għat-tmiem.
Bħala riżultat ta’ dan it-tentattiv, l-ajruplan prattikament tfarrak u 56 passiġġier, hijacker u żewġ membri tal-ekwipaġġ kollha tilfu ħajjithom f’din il-ġrajja.

L-attakk diżastruż tal-Commandos Eġizzjani
Bla pjan, bla permess… u b’riżultat pessmu

Il-ħsara kawżata mill-attakk Eġizzjan fl-istiva tal-merkanzija (cargo hold) tal-ajruplan
tal-Egyptair u, taħtu, fdalijiet maħruqin ta’ partijiet mill-ajruplan

Għaddew 40 sena, iżda għadhom sal-lum jinkitbu rapporti u analiżi dwar dak li seħħ fuq l-ajruplan tal-Egyptair, wieqaf f’Park 4 tal-ajruport ta’ Malta, b’mod speċjali dwar dawk il-ħinijiet fatali li matulhom sar l-attakk infami u diżastruż tal-Commandos Eġizzjan li ħalla 57 passiġġier, flimkien mat-tielet hijacker, mejtin b’mod atroċi.
Minn dawn il-mijiet ta’ rapporti u rakkonti dwar dan l-attakk għażilt dak li qalet Qorti Amerikan fil-każ kontra Ali Rezaq: The operation seem to have been a singularly incompetent one. The Commandos fired indiscriminately and sett off an explosion device of some kind, as a result of which the aircraft burst into flames. 57 passengers were killed as was the third hijacker.
Dak, iżda, kien biss it-tmiem ta’ dak l-attakk li baqa’ mdawwar b’ħafna kontroversji u sfumaturi politiċi għaliex ta’ min iżomm f’moħħu li dan il-ħtif kien, wara kollox, qed isir bil-barka u bl-għajnuna prattika tal-Libja. Dan fi żmien meta l-Gvern Malti tal-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici kellu relazzjonijiet mill-eqreb mal-Libja tant li f’rapport intern tas-CIA Amerikana dwar dan il-hijack, li sar magħruf snin wara, jingħad hekk: Malta has close commercial ties with Libya and the governing Labour Party may be discussing financial support from Tripoli for the upcoming national election. Din l-elezzjoni kienet dik tal-1987.
Irid jingħad ukoll li l-Gvern Malti kien akkużat fl-istampa internazzjonali li l-ewwel qagħad jittituba dwar offerta Amerikana biex jgħinu direttament għas-soluzzjoni tal-hijack u, imbagħad, meta fl-aħħar ħinijiet dehru li se jaqblu li forzi Amerikani jagħtu sehemhom, il-Commandos Eġizzjan kien ħadu s-sitwazzjoni f’idejhom b’mod li kollox kien issa sar irriversibbli.
L-Eġizzjani ma kellhomx pjan serju kif kellhom joperaw u fil-verità qatt ma kellhom il-permess espliċitu tal-Gvern Malti biex jattakkaw. Huma daħlu fl-ajruplan b’mod goff, poġġew xi splussiv, u sparaw kif ġie ġie b’riżultati fatali.
L-iżbalji gravi tal-Gvern Malti dwar dan l-episodju kienu saħansitra wasslu biex il-PM Karmenu Mifsud Bonnici kien għoddu rriżenja, iżda nżamm mill-istess Kabinett tiegħu.
Sal-lum dak l-attakk Eġizzjan għadu jinżamm bħala tagħlima biex qatt aktar ma jsir xi ieħor bħalu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 24 ta’ Novembru, 2025.