Opinjoni

OPINJONI: Il-fond ta’ investiment għat-tfal – Proposta għaqlija

Albert Buttigieg
Shadow Minister
għan-Neurodiverġenza
u l-Ħarsien tat-Tfal

Għalkemm kull tifel u tifla li jitwieldu huma ugwali quddiem il-Liġi, l-esperjenza tal-ħajja turina li l-opportunitajiet li dawn it-tfal ikollhom mhumiex dejjem ugwali għal kulħadd.
Hawn tfal li jitwieldu f’familji li jħobbuhom u jgħinuhom jikbru sew u sfortutament hawn ukoll tfal li twieldu f’ambejnt ta’ vulnerabbiltà u nuqqasijiet. Sfortunatament din hija waħda mill-ironija tal-ħajja.
Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista, biex jindirizza din id-diżinugwaljanza fis-soċjetà, fejn aktar ma jmur qiegħed ikun hemm differenza aktar wiesgħa bejn min għandu u min ma għandux, ħareġ proposta li jkun hemm fond ta’ investiment għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irrispettivament mill-familja tiegħu. jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

Kif jaħdem dan il-fond ta’ investiment?
Kull wild ġdid li jitwieled jinfetaħ fond ta’ ta’ €5,000 li jiġu investiti f’isem dik it-tarbija li twieldet. Għaliex dawn il-flus ma jitħallewx f’xi kexxun imma jiġu investiti, allura dan l-ammont jikber mal-medda ta’ snin.
Fil-fatt, skont il-costings li saru, jekk ikun hemm interess konservattiv ta’ 2%, f’għoxrin sena dan il-fond jikber għal €7,430. Jekk minn naħa oħra dan ikollu interess ta’ 5% jew 6.5% (dawn jissejħu ‘growth’ jew ‘aggregiated’ fid-dinja ta’ l-investiment), allura dan il-fond jikber għal €13, 260 u €17,260 rispettivament.
Dan il-fond mhux ser jieħu post benfiċċji jew allowances oħra li t-tfal jirċievu.
Barra minn dan, biex inkomplu nsaħħu l-mentalità u l-kultura li wieħed għandu jaħseb għal futur billi jġemma’, il-ġenituri jew min jieħu ħsieb dawn it-tfal jistgħu huma wkoll jżiedu ma’ dan il-fond iniżjali.
L-esperjenza turina li diversi drabi n-nanniet jagħtu xi flus lin-neputijiet u allura dawn l-għotjiet jistgħu jingħaqdu ma’ dan il-fond.
Fil-fatt, jekk ikun hemm imqar €500 żieda f’kull sena fil-fond, allura fuq medda ta’ għoxrin sena, il-fond jikber għal €20,570. F’kaz li l-interessi jkun ta’ 5% jew 6.5%, allura l-fond jikber għal €28,520 jew €34,300.
Din il-proposta tagħmel aktar sens meta wieħed jara li sfortutnament l-istatistika turina li hawn diversi tfal li qegħdin f’riskju ta’ faqar jew inkella esklusjoni soċjali.
Fil-fatt, fir-rapport maħruġ mill-NSO għal -2024, jindika li 1 minn kull erbat itfal f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklusjoni soċjali. Dan ifisser li hawn 25.9% mit-tfal Maltin jew aħjar madwar 29,000 tifel u tifla li qegħdin f’dan ir-riskju!
Fl-2024, f’Malta kellna rata ta’ 19.7% tal-ċittadini Maltin li kienu f’riskju ta’ faqar u esklusjoni soċjali. Dan ifisser 19.7% jew aħjar madwar 113,100 persuna!

Wieħed x’jista’ jagħmel b’dan il-fond?
Filwaqt li dan il-fond ma jistax jissarraf min ħadd, lanqas mill-ġenituri, imma biss minn dik il-persuna li jinsab f’isimha, dan il-fond jista’ jissarraf wara 20 sena u aktar tard meta wieħed jiddeċiedi li huwa l-ħin. S’intendi aktar ma wieħed iħalli snin jgħaddu, aktar il-fond jikber!
Wieħed jista’ juża dan il-fond li jkun issa kiber biex bihom jista’ jkompli l-istudji tiegħu, biex iħallas l-ewwel depożitu għal xiri tal-ewwel dar tiegħu jew biex jiftaħ xi neġozju.
Fil-qosor, jiddependi mill-persuna x’jagħmel bihom. B’hekk, permezz ta’ din il-proposta ta’ fond, qegħdin nagħtu l-opportunità lil kullhadd, anke dik il-persuni li forsi trabbiet f’ambjent ta’ vulnerabbiltà u ta’ nuqqasijiet, biex jimxu ’l quddiem.
Filwaqt li hawn min jgħid li din l-iskema mhux sa naraw il-frott tagħha issa, tajjeb li ngħid li bl-istess loġika ta’ ħsieb, allura meta ngħallmu lit-tfal tagħna l-iskola minn età bikrija nkunu qegħdin naħlu l-ħin għaliex il-frott ta’ dak it-tagħlim naraw ferm aktar snin wara!
Il-Partit Labursita filwaqt li jħobb jgħajjar lilna bħala partit negattiv, quddiem din il-proposta spiċċa biex ikun negattiv huwa stess! Qalilna li din hija ‘copy and paste’ ta’ proposti simili li nsibu f’numru ta’ pajjiżi oħra.
Din il-kritika mhux biss hija nġusta imma anke politikament immatura. Diversi liġijiet soċjali li l-Gvern PL daħħal huma ‘copy and paste’ minn liġijiet ta’ pajjiżi barranin. Biżżejjed li nsemmi li l-liġi dwar il-vjolenza domestika li kellna dan l-aħħar, fejn wieħed jista’ jkollu tagħrif jekk is-sieħeb għandhomx storja ta’ vjolenza, hija liġi meħuda mil-liġi Ingliża msejħa ‘Clare’s law’!

Għaliex l-importanza li ninvestu fit-tfal?
Għalkemm din il-proposta qegħda tagħti opportunità ugwali lil kull wild, jibqa’ dejjem il-fatt li l-flus weħdhom mhumiex biżżejjed biex tarbija tikber f’persuna matura u responsabbli.
Għalkemm il-flus huma importanti u neċessarji imma żgur li hawn qbil li biex tarbija tikber b’mod matur għandha bżonn l-għajnuna u l-imħabba ta’ familja. Kif il-flus ma jikbrux fis-siġar, hekk ukoll it-tfal ma jikbrux fl-arja imma fi struttura tal-familja, f’diversità kollha tagħha.
Għaldaqstant huwa fl-interess tagħna lkoll li għalkemm għandha nagħtu appoġġ u sostenn finanzjarju, rridu wkoll insaħħu lil familja.
Nemmen bis-sħiħ li meta ninvestu fit-tfal ikunu qegħdin ninvestu fil-futur tagħna lkoll.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Novembru, 2025.