Alex Borg
Il-Kap
Partit Nazzjonalista
Il-preżenza sabiħa taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista tkompli tagħtina aktar kuraġġ biex nissoktaw bil-ħidma tagħna. Jien liż-żgħażagħ irridhom ikunu protagonisti fil-bini tal-futur ta’ pajjiżna.
Jien nemmen li ż-żgħażagħ tassew jistgħu jmexxu lil pajjiżna; ta’ kif iż-żgħażagħ jistgħu jkunu tassew il-protagonisti tal-futur ta’ pajjiżna. Iż-żgħażagħ m’għandhomx jibqgħu gallarija, iżda għandhom ikunu fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’risq il-veru ġid u iinteress ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn żminijiet ferm importanti fejn iż-żgħażagħ qegħdin ikunu protagonisti u minn ta’ quddiem nett fit-tiġdid u fil-ħidma li qed issir.
Diġà fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet il-Partit Nazzjonalista tella’ numru rekord ta’ żgħażagħ fil-Parlament. Dan kollu jfisser li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiġġedded, jissaħħaħ u qiegħed ikompli jagħti l-ispazju kollu mistenni liż-żgħażagħ biex tassew jipparteċipaw fil-politika u fit-tfassil tal-politika.
Fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħadt meta sirt Kap tal-Partit Nazzjonalista, waqqaft dik li hi magħrufa bħala l-Youth Think Thank fejn iż-żgħażagħ stess ifasslu l-proposti tagħhom għall-politika, b’mod partikulari fejn jirrigwarda liż-żgħażagħ stess.
Il-Partit Nazzjonalista mhux biss irid li jagħti widen liż-żgħażagħ, imma jrid li ż-żgħażagħ ikunu proprju l-persuni li jfasslu u jiddeċiedu fejn jieħdu l-futur tagħhom stess.
Nemmen bis-sħiħ fiż-żgħażagħ u rrid tassew li jkunu l-wiċċ tal-Partit Nazzjonalista.
Sfidi kbar
Nifhem u naqbel li ż-żgħażagħ qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar; sfidi li jfisser li ż-żgħażagħ bilfors iridu lill-persuni li jifhmuhom biex hekk ikunu jistgħu jindirizzaw dawn l-istess sfidi.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista diġà ħareġ b’għadd ta’ proposti maħsuba biex jgħinu liż-żgħażagħ jiffaċċjaw dawn l-isfidi. Insemmi l-isfida tad-djar fejn niltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ li jistaqsu kif jistgħu jsiru s-sid tad-dar tagħhom.
Iż-żgħażagħ jistaqsu kif jistgħu jibnu jiffurmaw u jibnu l-familja tagħhom u jkollhom ukoll id-dar tagħhom meta l-prezzijiet huma daqstant għalja. U għaliex żgħażagħ ikunu kostretti jidħlu fil-kirijiet għal snin twal għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor?
Għaliex iż-żgħażagħ biex ikollhom id-dar tagħhom ikollhom bilfors jibqgħu għomorhom kollu jħallsu d-djun li jkollhom jagħmlu? Anzi issa s-sitwazzjoni hi ferm agħar għaliex żgħażagħ qed imorru biex jieħdu self mill-Banek iżda dawn ma jagħtuhomx flus biżżejjed biex ikunu jistgħu jixtru l-ewwel dar tagħhom!
Għax jifhem din is-sitwazzjoni u din l-uġigħ ta’ ras kbira fost iż-żgħażagħ, il-Partit Nazzjonalista fassal u ħareġ b’numru ta’ proposti li jindirizzaw din is-sitwazzjoni biex tassew jgħin liż-żgħażagħ, lill-koppji biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u hekk isiru s-sidien tad-dar tagħhom.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fassal numru ta’ skemi, fosthom dik li l-kirja tkun valutata bħala investiment biex hekk dik il-proprjetà eventwalment issir tiegħek u dak iż-żagħżugħ, u dik iż-żagħżugħa u dik il-koppja ssir is-sid tad-dar tagħha.
Proposta oħra hi l-equity sharing model fejn il-Gvern jidħol fi sħab miegħek għall-ewwel proprjetà tiegħek sakemm imbagħad dak li jkun jissokta jixtri hu s-sehem tal-Gvern u jsir kompletament is-sid tad-dar tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li jvara skema biex postijiet li llum huma vakanti jinxtraw miż-żgħażagħ u mhux bilfors li ż-żgħażagħ ikunu kostretti li jixtru appartament. F’pajjiżna għandna ħafna postijiet li huma vojta u mitluqa u jkun tajjeb li l-Gvern ivara skemi biex dawn ma jibqgħux vojta u abbandunati imma jittieħdu wkoll miż-żgħażagħ biex sussegwentement isiru s-sidien tagħhom huma.
Il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna proposti serji u tanġibbli mmirati u maħsuba għaż-żgħażagħ. Proposti bi ħsieb imbuttati wkoll miż-żgħażagħ stess.
Gvern PN jinvesti bil-kbir fl-Edukazzjoni u fis-Saħħa
L-Edukazzjoni
Għall-Partit Nazzjonalista l-Edukazzjoni hi wieħed mill-pilastri l-aktar importanti għaliex il-futur ta’ pajjiżna jrid jinbena fuq l-opportunitajiet tat-tagħlim; fuq l-Edukazzjoni.
Kemm-il darba jkollna sistema edukattiva b’saħħitha, allura dan ikun ifisser li se jkollna ġenerazzjoni futura b’saħħitha. Jekk ma ninvestux fl-Edukazzjoni, allura mhux se jkollna ġenerazzjoni futura b’saħħitha.
Edukazzjoni hi mhux biss importanti ħafna, imma trid timxi wkoll pari passu mat-tibdiliet u l-avvanzi teknoloġiċi li jkollna quddiemna. Aspett ferm importanti dwar jekk pajjiż hux attraenti jew le għall-investiment hu bażat fuq kemm is-sistema edukattiva qed toħroġ żgħażagħ li jkunu mħarrġa u kkwalifikati fis-settur tal-AI u fis-setturi l-oħrajn tat-teknoloġija.
Edukazzjoni tant hi kruċjali li kumpaniji barranin jistaqsu kemm din is-sistema edukattiva hix tlaħħaq mal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu qed isiru.
Tajjeb li wieħed japprezza li meta Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien investa fl-avjazzjoni, allura kien attira lejn Malta dik li hi magħrufa bħala l-Lufthansa Technik. Dik hi pjuttost industrija ġdida li attirat lejha żgħażagħ li studjaw u tħarrġu biex saru inġiniera u ħaddiema professjonisti mħarrġa ħalli jservu f’dan is-suq.
Dakinhar il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien abbina x-xogħol mal-edukazzjoni u din ir-riċetta kienet wasslet biex inħolqu ħafna impjiegi ta’ kwalità li jrendu kemm lil min iservi fihom u wkoll lill-pajjiż.
Dakinhar Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista mhux biss kien investa fit-tagħlim tat-teorija, imma xpruna liż-żgħażagħ biex jidħlu għal din in-niċċa kif anki llum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista qiegħed mill-ġdid jimbutta l-importanza mhux biss tal-Edukazzjoni imma anki li ż-żgħażagħ ikunu mħarrġa f’dawn is-setturi; f’dawn in-niċeċ ġodda.
Partit Nazzjonalista jwiegħed li joħloq frame-work edukattiv biex jagħti liż-żgħażagħ tagħna l-għodda li għandhom bżonn ħalli jidħlu f’dawn in-niċeċ.
L-Ambjent
Dwar l-Ambjent il-Partit Nazzjonalista għandu politika ċara… aħna ma rridux inġelldu l-ambjent mal-iżvilupp imma rridu li ngħaqqduhom flimkien ħalli jimxu id f’id. Kif wara kollox jiġri f’pajjiżi oħrajn fejn l-ambjent, l-iżvilupp u l-progress iterrqu biex ikun hemm żvilupp sostenibbli.
Il-progress hu importanti biex niġġeneraw l-ekonomija, imma fl-istess ħin, anki minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, irridu nkunu bil-għaqal li nħarsu u nissalvagwardaw l-ambjent li għandna.
Anki hawnhekk il-Partit Nazzjonalista, ftit tal-ġimgħat ilu, ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex inħarsu l-ambjent saħansitra fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna… fil-Kostituzzjoni.
Aktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja diġà daħħlu l-ambjent bħala parti mill-kostituzzjoni tagħhom u l-Partit Nazzjonalista jemmen li anki f’Malta għandu jsir hekk biex tassew inħarsu l-ambjent u hekk naraw li madwarna jkollna s-serħan tal-moħħ dwar is-salvagwardji ambjentali.
Aħna rridu aktar open spaces u aktar ħdura madwarna biex dawn jitgawdew mill-familji kollha. Nemmnu li għandna bżonn li nfittxu aktar bilanċ fil-ħajja li qegħdin ngħixu u li ħafna drabi tkun karatterizzata minn ħafna stress.
Is-Saħħa Mentali
Dwar is-saħħa mentali u l-istress ikun żball jekk tittieħed l-attitudni li nitfugħhom taħt it-tapit. Irridu nkunu ta’ spalla għall-persuni li jgħaddu minn diffikultajiet marbuta mas-saħħa mentali. Tista’ tkun min tkun għaliex kulħadd jista’ jiġi milqut minn problemi marbuta mas-saħħa mentali.
Il-Partit Nazzjonalista mbarka fuq politika ċara ħafna li jagħti l-appoġġ u s-sostenn lil dawk kollha li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli; minn żmien fejn is-saħħa mentali tagħhom tkun fi kriżi. Kulħadd, sfortunatament, jista’ jintlaqat mill-problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk tajjeb li fil-pajjiż ninvestu bis-sħiħ f’dan is-settur tant importanti.
Dawn huma problemi li jistgħu jolqtu lil kulħadd. Irrispettivament min int. Irrispettivament mill-età. Ir-realtà hi li aħna lkoll ninsabu fl-istess ilma u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun ta’ spalla għal kulħadd u noħolqu hub f’kull raħal maħsub apposta biex jgħin lil dawk li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali.
Imma mhux biss, il-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jibni sptar mentali ġdid kif jixraq lill-pazjenti kollha bi problemi ta’ saħħa mentali.
Ilna wisq inkaxkru saqajna fuq l-infrastruttura adegwata u moderna għas-saħħa mentali. L-Isptar Monte Carmeli llum il-ġurnata m’għandux l-infrastruttura mixtieqa u meħtieġa biex ikun hemm id-deċenza li toffri u tagħti kif mixtieq il-kura lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali f’ambjent san u modern.
Ir-realtà llum hi li m’għandux ikollna sptar għas-saħħa mentali li jkun maqtugħ minn kollox, imma dan għandu jkun amalgamat qrib l-Isptar Mater Dei u hekk is-servizzi jkunu magħquda mas-servizzi inġenerali fil-qasam tas-saħħa.
It-trasport tal-massa
Ikun żball kbir jekk is-suġġett tat-trasport tal-massa jkun trattat b’mod partiġjan. Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq l-id tal-ħbiberija u hu lest li npoġġu bilqiegħda u naraw l-istudji u l-futur kif qiegħed jevolvi biex niddeċiedu dwar xi ħaġa u nimplimentawha.
Il-Partit Nazzjonalista saħansitra lest li jiffirma memorandum of understanding dwar il-veru proġett li għandu bżonn pajjiżna għar-rigward tat-trasport tal-massa. Għaliex dan il-proġett li jieħu s-snin u għalhekk tajjeb li kulħadd jintrabat li tali proġett jibda f’tali data imma jispiċċa f’tali data u kollox ikun magħruf minn qabel.
Aħna għandna r-rieda li din is-sistema ta’ trasport tal-massa tkun attwata. Ejjew nindirizzaw il-problema tat-traffiku li għandna u nsolvuha għall-ġid ta’ kulħadd.
Hi ħasra iżda li bħala Oppożizzjoni hawn vuċi waħda dwar dan is-suġġett. Il-Partit Nazzjonalista jaf lejn fejn irid imur. Iżda hi ħasra li l-Gvern m’għandux direzzjoni waħda. Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid mod. Il-Ministru Clyde Caruana jgħid b’mod differenti. Imbagħad hemm il-Ministru Chris Bonett li qal li hu tajjeb li npoġġu bilqiegħda u naraw lil fejn irridu mmorru. Ma ninsewx ukoll lill-Ministru Ian Borg jagħmel il-billboards dwar il-metro! Issa l-Gvern ressaq il-Baġit… u fih m’hemm l-ebda ħjiel ta’ trasport tal-massa u kif se nsolvu l-problema tat-traffiku.
Bir-raġun kollu li l-poplu jistaqsi imma lil fejn sejjer dan il-pajjiż.
Is-saga Gvern-Vitals-Steward
Il-poplu hu inkwetat ukoll dwar is-saga tas-serq tat-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Gvern – minn wara dahar in-nies – ta lil Vitals imbagħad lil Steward.
U issa d-deċiżjoni mill-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali li sabet li l-poplu Malti u Għawdxi hu l-vittma ta’ dak kollu li għamel il-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.
Din hi saga dominata minn ħafna gideb mill-Gvern li juri mod iżda l-fatti jkunu mod ieħor. L-ewwel qal li Malta rebħet iżda ma kienx ħareġ id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ u għalhekk ħadd ma seta’ jara din is-sentenza għaliex il-Gvern żammha għalih.
Imma l-Gvern ried jinfluwenza l-opinjoni pubblika. Imma mbagħad grazzi għall-pressjoni li saret fuq il-Gvern, l-istess Gvern kien kostrett li joħroġ id-deċiżjoni u meta wieħed jaqraha kollha jsib li mhux veru li rebħet Malta imma li l-poplu Malti u Għawdxi huma l-vittmi ta’ din l-akbar serqa fl-istorja tal-pajjiż.
Id-deċiżjoni nnifisha tgħid li l-Gvern-Vitals-Steward kienu daħlu għal obbligi li jinbena sptar ġdid f’Għawdex b’450 sodda; rinnovament tal-Isptar San Luqa b’400 sodda ġdid; u rinnovament u immodernizzar tal-Isptar Karin Grech… iżda fil-verità ma sar assolutament xejn minn dan kollu.
Hi ħasra li l-Gvern ta’ Robert Abela flok ma jiddefendi l-interessi tal-poplu, jagħżel li jiddefendi lill-barranin.
Anqas biss jindenja jara kif qed jintefqu l-flus tal-poplu u jara x’qed jiġri minnhom. Ebda trasparenza. Ebda kontabbiltà. U dan kollu hu tal-mistħija.
Għaliex il-Gvern ma ħassx li kellu jitlob l-invoices ta’ fejn sejrin il-flus tal-poplu?
Joħroġ ukoll mid-deċiżjoni tal-Arbitraġġ li l-aktar persuni importanti fis-suġġett u li jafu l-affarijiet internament anqas biss intbagħtu biex jagħtu x-xhieda tagħhom quddiem l-istess Arbitraġġ. Għalfejn din it-tip ta’ mġiba? Forsi l-Gvern beża’ li xi ħadd minnhom jgħid affarijiet li bihom iħammar wiċċ l-istess Gvern?
Tal-mistħija kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma rnexxielu jikseb l-ebda ċenteżmu lura fil-Kaxxa ta’ Pajjiżna, anzi skont id-deċiżjoni se jkollu joħroġ mal-ħames miljun ewro ieħor lil Steward talli ħallewna bl-istess Unions fil-qasam tas-Saħħa joħorġu jgħidu li l-Isptar Karin Grech tinsab f’qagħda tassew dekadenti.
Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista hu determinat li jkompli jiddefendi d-drittijiet tal-poplu u jwiegħed li fil-Gvern jagħmel minn kollox biex ikollna servizz tas-saħħa mill-aqwa kif wara kollox jixraq lill-poplu.
Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-sħiħ fis-saħħa. Ninvestu fi sptar ġdid f’Għawdex u fi sptar ġdid f’Malta. Għall-Partit Nazzjonalista l-veru ġid tal-poplu jiġi l-ewwel.
Fil-politika biex nilħqu l-aspirazzjonijiet
Il-politka f’pajjiżna wkoll tinkludi – miż-żewġ naħat – politiċi ta’ rieda tajba, li jridu l-ġid għal pajjiżna. Għalhekk nixtieq li nara aktar żgħażagħ li jagħmlu kuraġġ u jidħlu fil-kamp tal-politika; biex għada pitgħada jkunu huma li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-veru ġid ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna.
Ejjew infittxu l-veru ġid ta’ pajjiżna u anki hawnhekk iż-żgħażagħ jistgħu jkunu protagonisti.
Minkejja l-kurrenti li hawn kontrina. Aħna qed nagħmlu minn kollox biex f’pajjiżna jkun hawn is-serħan tal-moħħ; biex ikun hawn soċjetà ġusta u dak li jkun jilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħu ħalli jkollu futur aħjar.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

