Sentenza sospiża wara ammissjoni kienet il-qofol tal-każ illum fil-Qorti tal-Maġistrati, fejn Rodney Joseph Angelo De Gabriele ammetta li kien parti minn serqa organizzata ta’ eluf ta’ sigaretti minn maħżen f’Xatt il-Barrieri fil-Belt.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, wara li l-akkużat għażel li jieħu r-responsabbiltà tiegħu mill-ewwel u ma jikkontestax il-provi li kienu miġbura kontrih. Il-każ jmur lura għall-lejl bejn l-10 u l-11 ta’ Awwissu 2020, meta grupp ta’ għaxar persuni allegatament ħadmu flimkien biex jinfdu kumpless ta’ mħażen f’Xatt il-Barriera u jisirqu 76 kaxxa mimlija sigaretti.
Il-valur kummerċjali kien ta’ madwar tletin elf ewro, iżda meta wieħed iqis id-dazji u t-taxxi li kellhom jitħallsu fuqhom, it-total jaqbeż il-mija u ħamsin elf ewro. Dan jagħmel dan it-tip ta’ reat wieħed mill-aktar li jolqtu direttament lill-Istat u lis-suq tal-kummerċ leġittimu.
Meta l-Pulizija estendew it-tfittxijiet tagħhom, sabu wkoll ammont ta’ sigaretti fil-proprjetà ta’ De Gabriele fis-Swieqi, sinjal li ma kienx sempliċiment fl-isfond iżda kellu sehem attiv fl-operazzjoni. Minkejja dan, id-deċiżjoni tiegħu li jammetti ħadmet f’favur tiegħu, hekk kif il-Qorti tat piż lill-koperazzjoni tiegħu, lill-kundizzjoni personali preżenti u wkoll lill-fatt li s-soċjetà parte ċivile ma kinitx tinsisti għal ħabs immedjat.
Quddiem dan kollu, il-Maġistrat Frendo Dimech wissiet lill-imputat b’mod solenni dwar il-konsegwenzi li jista’ jġorr jekk jerġa’ jikser il-liġi matul il-perjodu tas-sospensjoni, u ordnatlu jħallas aktar minn erba’ elef ewro f’spejjeż peritali u tal-Qorti. B’hekk, De Gabriele ngħata ċans ieħor biex jerġa’ jibni ħajtu, filwaqt li l-Qorti għamlet ċar li f’każ ta’ nuqqas wieħed biss, is-sentenza tal-ħabs issir effettiva bla dewmien. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca.
//= $special ?>

