Futbol Sport

Żabbar St Patrick illejla jiċċelebra l-200 logħba fil-Malta Premier

Żabbar St Patrick
Żabbar St Patrick

Illejla titkompla t-12-il ġurnata tal-Malta Premier, bl-ewwel żewġ partiti mill-Bottom Six, bit-tieni logħba se tkun qed tintlagħab għada.

Fiż-żewġ partiti li għandna skedati għal-lum, illejla fid-9pm, Żabbar St Patrick se jkunu qed jilagħbu kontra Tarxien Rainbows. Għal bosta din taf tkun logħba bħall-oħrajn, iżda effettivament mhuwiex il-każ. Dan għaliex iż-Żabbarin se jkunu qed jilagħbu l-200 logħba tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Dan hu tragward ta’ prestiġju għal klabb li ġej minn lokalitá kbira f’pajjiżna, u li dan l-istaġun hu l-14-il wieħed mal-kbar tal-futbol Malti. L-istaġun li għadda kien wieħed mill-aqwa li qatt kellhom Żabbar St Patrick fil-Malta Premier, fejn saħansitra rrnexxilhom iżommu posthom fil-Kampjonat wara li kienu kisbu promozzjoni.

Fil-maġġoranza tad-drabi, il-klabb li twaqqaf fl-1912, meta kiseb promozzjoni għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti,  iż-Żabbarin reġgħu sfaw relegati mal-ewwel. L-ewwel darba ta’ Żabbar St Patrick fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, l-ewkivalenti għall-Malta Premier, kien fl-istaġun 1950/51. Fl-ewwel darba tagħhom f’din id-diviżjoni, Żabbar St Patrick kien irnexxilhom iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni lokali għall-istaġun ta’ wara.

Fi storja ta’ 113–il sena, għal wieħed mill-eqdem klabbs tal-futbol Malti, mingħajr dubju it-tragward li ż-Żabbarin se jkunu qed jilħqu llum fil-konfront kontra tim ieħor bħalhom li ġej minn nofsinhar ta’ Malta, Tarxein Rainbows, jagħmel parti mill-istorja ta’ kull żmien ta’ dan il-klabb.

Dawn kienu 200 logħba li matulhom raw lil Żabbar St Patrick, jagħmlu l-massimu tagħhom biex jistabbilixxu ruħhom mat-timijiet il-kbar tal-logħba lokali, u fi staġuni li wħud minnhom taw sodisfazzjon u ferħ, anke jekk ma kienx hemm rebħ ta’ unuri maġġuri, lill-partitarji Żabbarin.