Lokali

10,375 tifel u tifla vulnerabbli rċevew sapport minn The Malta Trust Foundation fl-2024


Aktar minn 10,300 tifel, tifla u adoloxxent vulnerabbli rċevew sapport trasformattiv is-sena li għaddiet permezz ta’ proġetti soċjali imwassla minn The Malta Trust Foundation.

Fl-2024, il-Fondazzjoni implementat 12-il proġett soċjali mfassla biex jindirizzaw xi wħud mill-aktar bżonnijiet urġenti tas-soċjetà, li jvarjaw minn saħħa mentali u għajnuna edukattiva għal terapiji bl-arti kreattiva, sapport għall-familji u inizjattivi ta’ inklużjoni fil-komunità.

Dawn il-programmi għenu 10,375 tifel, tifla u żgħażagħ, ħafna minnhom ġejjin minn ambjent vulnerabbli jew emarġinati, skont ir-Rapport tal-Impatt 2024 li ġie ppreżentat waqt il-laqgħa ġenerali annwalimf’Dar Saura, fir-Rabat

“Permezz tal-approċċ immirat u multidixxiplinarju tagħha, il-Fondazzjoni kompliet tipprovdi spazji siguri, tippromwovi r-reżiljenza u tiftaħ toroq lejn edukazzjoni u żvilupp personali,” qalet il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-Fondazzjoni.

Fiċ-ċentru ta’ dan kollu hemm tim iddedikat ta’ 44 professjonist, fosthom psikologi, counsellors, terapisti tal-familja, terapisti tal-mużika u tal-arti, ħaddiema soċjali u ħaddiema ta’ sapport għall-familji.

L-isforzi konġunti tagħhom wasslu għal 82,712 intervent u sessjoni matul is-sena, żieda li tirrifletti d-domanda dejjem tikber għas-servizzi tal-Fondazzjoni u l-fiduċja li qed tingħata lill-programmi tagħha minn familji, edukaturi u organizzazzjonijiet fuq quddiem nett.

Il-Fondazzjoni twaqqfet 10 snin ilu, matul il-Presidenza tas-Sinjura Coleiro Preca, biex tappoġġja tfal u żgħażagħ vulnerabbli billi tipprovdi opportunitajiet li jrawmu l-potenzjal u l-benessere tagħhom. Permezz ta’ sħubija ma’ professjonisti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, entitajiet privati u partijiet interessati fil-komunità, il-Fondazzjoni twettaq proġetti li jindirizzaw is-saħħa mentali, l-edukazzjoni, l-empowerment u l-inklużjoni soċjali.

L-għan tagħha huwa li tintroduċi proġetti sostenibbli appoġġjati minn governanza b’saħħitha. Matul l-2024, l-investiment totali operattiv u tal-pagi tal-Fondazzjoni laħaq €1,724,603, li jenfasizza l-impenn tagħha lejn trasparenza finanzjarja, kontabbiltà u amministrazzjoni responsabbli tar-riżorsi fdata lilha minn donaturi, imsieħba u sostenituri.

The Malta Trust Foundation tibqa’ soda fl-impenn tagħha li tiżgura li kull tifel, tifla u żagħżugħ, ikun x’ikun iċ-ċirkostanzi tagħhom, jingħata l-opportunità biex jiffjorixxi.