Serata ta’ preżentazzjoni organizzata mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi b’rabta ma’ tmiem l-istaġun 2025. Matul is-serata ġew ippreżentati t-trofej lir-rebbieħa ta’ diversi kategoriji li ħadu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati bejn Marzu u Novembru ta’ din is-sena fosthom l-iktar trofew prestiġjuż, li huwa magħruf bħala t-Tazza tal-Anġlu mirbuħ minn Buġibba Boċċi Club li fil-finali għelbu lil St Peter’s Żabbar .
Għaxaq rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni filwaqt li Santa Venera u Qormi San Ġorġ rebħu t-tieni u t-tielet diviżjoni rispettivament.
Fil-kompetizzjoni wieħed kontra wieħed, kien Roderick Abela li rebaħ it-trofew b’Joseph Tabone li spiċċa fit-tieni post.
Fil-kompetizzjoni tnejn kontra tnejn, kienu Żebbuġ għalqu fl-ewwel post b’Għaxaq fit-tieni pożizzjoni.
Żebbuġ rebħu wkoll iċ-Charity Cup wara li għelbu lil Għaxaq filwaqt li Santa Venera rebħu l-kompetizzjoni taċ-Charity Cup tat-tieni u t-tielet diviżjoni bil-finalisti jkunu l-Isla.
Is-Super Cup intrebħet minn St Peter’s Żabbar kontra Għaxaq.
Fil-kampjonat tar-reserves, Żejtun rebħu l-ewwel diviżjoni, Birżebbuġa kisbu suċċess fit-tieni diviżjoni filwaqt li Qormi San Ġorġ rebħu t-tielet diviżjoni.
Fil-kampjonati taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena, Għaxaq spiċċaw fl-ewwel post b’Żebbuġ li kienu finalisti.
It-trofej u l-midalji lir-rebbieħa ġew ippreżentati mill-President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi Clinton John Saliba.


