Il-Kummissarju tal-Pulizija ħabbar li ma nstabet “ebda evidenza ta’ atti kriminali” fl-abbuż fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Bir-rispett kollu dovut, dan mhux biżżejjed.
Ir-rapport tal-Ombudsman wera amministrazzjoni ħażina sistematika, trattament degradanti, intimidazzjoni, kastig arbitrarju, u nuqqas amministrattiv serju fil-ħabs. Persuni vulnerabbli li tneħħitilhom il-libertà huma fdati lill-Istat, u l-Istat naqashom.
Meta jkun hemm konklużjonijiet bħal dawn, konklużjoni wara bibien magħluqa tal-Pulizija ma timla ‘l ħadd bil-fiduċja. Anzi jqumu aktar mistoqsijiet.
Ma nistgħux ninjoraw ir-realtà skomda li kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll id-Direttur tal-Ħabs fl-aħħar mill-aħħar jaqgħu taħt l-istess ministru. Fi struttura bħal din il-pubbliku ma jistax joqgħod biss fuq il-wegħda li ma sar xejn ħażin u li kieku sar il-Pulizija kienet se tiġri warajh mingħajr biża’ jew favur.
M’aħniex qed nakkużaw lill-Pulizija li aġixxew b’malafede. Qed nitolbuhom juru li aġixxew b’bonafede. Il-pubbliku jixraqlu tweġibijiet għal dawn il-mistoqsijiet bażiċi:
Infetħet inkjesta maġisterjali?
Semgħu il-Pulizija lill-stess xhieda li sema’ l-Ombudsman?
Saret reviżjoni sħiħa tas-sejbiet u l-provi f’idejn l-Ombudsman?
Fittxew l-investigaturi l-fehma tal-Avukat Ġenerali?
Eżaminaw l-investigaturi allegazzjonijiet ta’ kastigi ta’ tpattija u ta’ trattament degradanti?
Jekk l-Istat ma jistax iwieġeb dawn il-mistoqsijiet, ma nistgħux inkunu assigurati li twettqet ġustizzja.
Dan mhux diskors dwar l-imgħoddi. Dan hu diskors li jrid jipprevjeni l-abbuż fil-ġejjieni. L-għassa esterna fuq l-istituzzjonijiet magħluqa – il-ħabs, iċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-faċilitajiet għall-kura psikjatrika – trid tkun indipendenti, mhux vertikalment dipendenti fuq l-istess awtorità politika li qed tkun investigata.
Ir-residenti tal-ħabs huma fil-kontroll totali tal-Istat u allura huma fir-responsabbiltà sħiħa tal-Istat. Id-dinjità umana ma tintefiex malli xi ħadd jissakkar ġewwa.
Repubblika ssejjaħ għal:
Trasparenza sħiħa dwar kif twettaq il-proċess investigattiv;
il-pubblikazzjoni tal-miżuri investigattivi li ttieħdu u l-bażi legali għall-egħluq tal-istħarriġ; u
riforma li tiggarantixxi għassa esterna indipendenti kull meta jkun hemm allegazzjonijiet dwar istituzzjonijiet li jappartjenu għall-ministeru li jikkontrolla l-pulizija.
Repubblika qalet li f’demokrazija mhux biżżejjed li wieħed jgħid “ma sibniex reat”. Il-pubbliku jrid jara li sar dak kollu meħtieġ speċjalment meta l-allegati vittmi m’għandhomx mezz kif jitkellmu għalihom infushom.
//= $special ?>

