Kummerċ Lokali

€414,000 hu l-prezz medju biex wieħed jixtri appartament – żieda ta’ €40,000 f’temp ta’ sena

Studju nazzjonali wera kif jum wara l-ieħor il-prezz tal-proprjetà f’pajjiżna qed ikompli jogħla; b’aktar individwi qed isibuha diffiċli biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom.

Dan ħareġ waqt konferenza nazzjonali li ffukat fuq il-propjetà, u li kienet organizzata mid-ditta KPMG u Property Malta –– fejn ġie diskuss is-settur tal-proprjetà f’pajjiżna u l-isfidi li qed jaffaċċja.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’diskors li wassal f’din il-konferenza, ic-Chairperson ta’ Property Malta Sandro Chetcuti sostna li wasal iż-żmien li jkun hawn investiment serju fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, bil-għan li l-poplu jkollu ħajja aħjar. Apparti minn hekk, hu qal ukoll li dan l-istudju qed ikompli juri li n-nies qed jaffaċċjaw sfidi fl-affordabbiltà hekk kif il-proprjetà qed togħla b’rata aktar mgħaġġla mill-pagi.

Għaldaqstant, huwa appella biex l-interess nazzjonali jinżamm fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

L-istħarriġ dwar il-proprjetà wera kif persuni waħedhom qed jaffaċċjaw sfidi kbar biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom fejn persuni li għandhom qrib it-30 sena jaffardjaw 3.1% tal-propjretà lesta li hawn fis-suq. Imbagħad, dawk il-persuni li għandhom fuq it-30 sena u jaqalgħu madwar €40,000 fis-sena jaffordjaw 41.8% tal-proprjetà.

Koppji li bejniethom idaħħlu madwar €51,000 qabel it-taxxa jaffordjaw madwar 78.7% tal-proprjetà.

L-istħarriġ wera wkoll kif fl-ewwel nofs ta’ din is-sena l-appartamenti u l-penthouses komplew jiddominaw is-suq b’71.3% u 15.1% tat-tranżazzjonijiet. Dan apparti li l-permessi tal-appartamenti żdiedu b’9%. U għalhekk kollox qed jindika li sal-aħħar ta’ din is-sena l-permessi se jiżdiedu bi 2% oħra.

L-istudju wera li l-prezz medju ta’ appartament sar ilaħħaq l-€414,000. Dan il-prezz ifisser li l-appartamenti żdiedu b’medja ta’ €40,000 f’temp ta’ sena.

Il-prezz medju ta’ penthouse issa qabeż il-€550,000.

In-negozjanti preżenti għal din il-konferenza elenkaw il-fatt li dan is-suq għandu jinkludi persuni li huma waħedhom u li jixtiequ jixtru proprjetà. Apparti minn hekk, il-Gvern għandu jipprovdi skemi sabiex in-nies ikunu jistgħu jmorru jgħixu fi propjetà akbar fil-futur.

Intant, preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u x-Shadow Minister Stanley Zammit… li minn naħa tiegħu fisser kif il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni moderna u ħolistika ta’ forward planning, fosthom bi proċess ġdid ta’ djalogu li jnaqqas l-inċertezza, inaqqas il-kunflitti bla bżonn u jħaffef il-proċessi.

Fl-istess waqt, il-PN lest jindirizza b’mod serju l-kriżi tal-affordabbiltà.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo