Sport

Elusive 2 tirbaħ iż-Zhik Double Handed Figure of 8 Race tar-Royal Malta Yacht Club 

Il-jott Elusive 2 tal-aħwa Aaron u Christoph Podesta rebħet għat-tielet sena konsekuttiva,  l-edizzjoni 2025 taż-Zhik Double Handed Figure of 8 Race organizzata mir-Royal Malta Yacht Club li tibqa’ tlielaq diffiċli fil-kalendarju tal-Club.

Il-bidu kien bejn Forti Sant Iermu u Tigné Point, b’rotta li ħadet il-flotta lejn l-Aħrax, fejn minn hemm għaddew għal fliegu bejn Malta u Kemmuna għal madwar Għawdex u lura lejn Malta mal kosta tal-punent Filfla, Bengħajsa u l-marka ta’ Munxar qabel temmew f’Marsamxett, quddiem ir-Royal Malta Yacht Club.

Fil-bidu, il-battalja bdiet bejn Vivace (Andrew Agius Delicata/Matthew Gabriele) u Calypso (Sebastian Ripard/Kristian Borg Nicolas), li ħarġu mill-port flimkien.  Ton Ton Laferla (Jonathan/Gerald Gambin) baqgħat qrib. L-ewwel bidla fil-pożizzjonijiet saret quddiem Baħar iċ-Ċagħaq, fejn Elusive 2, Vivace u Ton Ton Laferla għażlu rotta viċin il-kosta, filwaqt li Calypso u Lartista (Matthew Micallef/Andrea Vella) ħarġu aktar ’il barra.

Elusive 2 kisbet vantaġġ lejn il-fliegu bejn Kemmuna u Għawdex, waqt li Ton Ton Laferla u Vivace baqgħu viċin. Ton Ton Laferla kellu jirtira viċin Kemmuna fejn Vivace, Lartista u Calypso li komplew jersqu l-quddiem.

Sal-Qortin, id-distakki żdiedu u meta daru m’Għawdex, Calypso mar ’il quddiem viċin  Vivace fejn iżda Elusive 2 kienet l-ewwel jott li spiċċat it-tellieqa, segwita minn Calypso u mbagħad Vivace.

L-aħħar tellieqa fil-kalendarju tal-Club ser tkun il-Medcomms Round Malta Race fit-13 ta’ Diċembru.