Chris Said, PN
Jeħtieġ pjan ċar għal Għawdex biex l-isfidi li għandu Għawdex ikunu trattati billi jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari Għawdex u jiddiskuti s-soluzzjonijiet flimkien mal-imsieħba soċjali u l-esperti.
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Chris Said qal li kien Gvern Nazzjonalista li wara l-1987 ħoloq il-Ministeru għal Għawdex u għalhekk kien ta vuċi lir-reġjonalità għal Għawdex. Għall-2026, wara tliet snin, il-Ministeru tal-Finanzi reġa’ ħass li kellu jinkludi sezzjoni speċifika dwar Għawdex; kif kellu jkun.
Chris Said kompla li meta jara l-proposti tal-gvern isib li dak li qed jinkwieta lill-Għawdxin ma kienx indirizzat b’mod dirett u mhemm l-ebda pjan jew viżjoni kif se jkunu trattati dawn il-problemi. Dan meta Għawdex jistħoqqlu li jkollu pjan ta’ azzjoni dwar kif se jindirizza l-problemi li wħud minnhom huma identiċi għal Malta iżda oħrajn huma partikolari għal Għawdex.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-budget ma jindirizzax il-problema tal-popolazzjoni esaġerata ta’ barranin anki f’Għawdex. L-NSO jispeċifika li fl-2024 kien hemm iktar imwiet milli twelid f’Għawdex waqt li l-popolazzjoni baqgħet tiżdied tant li fl-aħħar fl-2024 kien hemm 42,000 meta qabel din kienet 25,000.
Mill-42,000, hemm 11,000 li huma barrnin. Dan qed iġib vantaġġi imma numru ta’ żvantaġġi. Dawn qed iġibu effett fuq it-tessut tas-soċjetà Għawdxija u qed iwassal biex jintilfu ħafna karatteristiċi Għawdxin.
Din ir-realtà ġiet b’deċiżjoni konxja maħduma mill-istess Ministru tal-Finanzi li kellu strateġija ċara li jrid iżid il-popolazzjoni b’numru ta’ barranin.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan mhuwiex indirizzat fil-budget u qal li problema oħra hi dik tal-konnettività. Magħha hemm il-problema tat-traffiku li wkoll hi marbuta mal-problema tal-popolazzjoni. Problema oħra f’Għawdex hi dik tal-karatteristiċi tal-gżira fosthom f’iktar bini u ffullar fejn ikunu n-nies.
Chairs Said semma’ wkoll id-dħul tal-Għawdxin fejn l-NSO jispeċifika li fl-2024 il-medja tad-dħul kien ta’ €31,000; li hu l-iċken household disposible income mir-reġjuni kollha ta’ Malta li hu €39,000. Ir-reġjun bl-iktar d-disposible household income ogħli għandu €11,000 iżjed minn dak ta’ Għawdex.
Dwar l-konnettività hu qal li l-fast ferry ġab titjib, qal Chris Said, li semma kif kien il-Ministru Nazzjonalista Anton Tabone li 35 sena introduċa l-ewwel fast ferry. Hu qal li ma kien hemm l-ebda riferenza għall-vapuri. Illum Għawdex għandu tliet vapuri li bena Gvern Nazzjonalista b’investiment ta’ €80 miljun li mhemm l-ebda pjan dwar meta dawn se jkollhom jinbidlu. Il-Gvern Laburista ġab biss in-Nicolaus li għalih il-poplu jħallas €15,000 għal vapur second hand minbarra l-ħlas tal-fuel.
L-Għawdxin ma jisħoqqilhomx vapur ta’ din il-kwalità li issa ilu jopera s-snin u jidher li se jgħaddu snin oħra sakemm dan jinbidel. L-Għawdxin jistħoqqilhom vapuri aħjar minn dawk li għamel Gvern Nazzjonalista fil-passat. Il-PN qed jipproponi l-ħames vapur u jiżdied vapur tal-merkanzija li jaħdem bejn Għawdex u l-Port il-Kbir jew il-Port Ħieles. Dan is-servizz kien hemm fi żmien Gvern Nazzjonalista iżda l-Gevrn Laburista waqqfu. Il-merkanizja llum trid taqsam Malta kollha meta tiġi minn Għawdex.
Jeħtieġ pjan dwar il-Port tal-Imġarr biex dan jikber, sostna Chris Said, li kompla li llum dan il-port sar żgħir minħabba l-operat li jsir fih. Gvern Laburista m’għamel xejn dwar din il-problema ħlief li qed jgħid li se jagħmel studju. Dwar is-servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, il-Gvern Laburista kien wiegħed li s-servizz bejn Għawdex u pajjiżi oħra kellu jibda b’mod immedjat.
Dwar l-infrastruttura, Chris Said qal li l-livell ta’ toroq f’Għawdex huma fi stat ħażin meta paragunati ma’ ta’ Malta u għalhekk hemm bżonn jiżdied l-investiment li żdied biss b’€2 miljun.
Il-gvern ma qal xejn dwar il-breakwater ta’ Marsalforn li hu proġett importanti għal dik il-komunità kummerċjali. Importanti wkoll li f’Marsalforn tingħata attenzjoni u importanza għall-parkeġġ. Il-gvern ma qal xejn ukoll dwar il-masterplan tar-Ramla u x-Xlendi.
Hu semma’ t-turiżmu u qal li għal Għawdex il-kwalità tat-turiżmu hi kruċjali għaliex qed jirriżulta li din naqset b’mod drastiku. Jeħtieġ li jissaħħu n-niċeċ ta’ kwalità bħal dik li kien ħoloq Gvern Nazzjonalista bid-diving.
L-Għar ta’ Claypso ilu snin twal magħluq minkejja li dan hu attrazzjoni unika f’Għawdex. Hu semma’ l-Għar tal-Mixta li hu wkoll attrazzjoni kbira u unika iżda z-zoni tal-madwar huma ta’ livell baxx u l-gvern ma jridx jieħu l-art tal-madwar minkejja li din hi art tal-gvern biex ma jitilfx xi vot. Dan l-għar għandu storja kbira għax kien residenza antika ħafna iżda llum ħadd mhu jieħu ħsiebu iżda l-gvern jiddejjaq jieħu l-passi neċessarji.
Hu tkellem dwar it-traffiku u l-parkeġġ u qal li l-aħħar parkeġġ li sar f’Għawdex kien il-parkeġġ ta’ taħt l-iskejjel; fi 13-il sena ma sar l-ebda parkeġġ ġdid f’Għawdex ħlief il-park and ride li għadu mhuwiex jintuża biżżejjed.
Chris Said tratta l-edukazzjoni u qal li l-proġetti li saru kienu tajbin iżda ċ-Ċentru tal-Università ilu 10 snin ġebel u saqaf. Dan kien pjan ta’ Gvern Nazzjonalista favur l-istudenti Għawdxin. L-għotja ta’ €280 lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta hi tajba iżda fl-aħħar snin din ma żdiditx b’mod proporzjonali daqskemm żdiedet il-kera f’Malta. Student Għawdxi jrid €600 fix-xahar biex jikri kamra f’appartament b’kamra tal-banju li jrid jaqsamha ma’ ħaddieħor; żgur li €280 mhumiex biżżejjed.
Hu semma’ s-saħħa u qal li l-bini ta’ sptar ġdid sparixxa u l-gvern qed jgħid biss li se jirranġa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Chris Said tkellem ukoll dwar il-problema tad-droga f’Għawdex u qal li din saret xi ħaġa komuni li tista’ tinstab f’kull post; liema postijiet huma magħrfua.
Il-Pulizija mhumiex jagħmlu biżżejjed quddiem din il-problema, sostna Chris Said, li kompla li l-Gvern neħħa t-Taqsima tad-Droga f’Għawdex. Jeħtieġ li din it-taqsima terġa’ titwaqqaf biex il-ġlieda kontra d-droga tktn miġġielda b’mod effettiv. L-Awtorità tal-Ippjanar f’Għawdex saret awtorità tal-permessi flok tal-ipppjanar.
Chris Said feraħ lill-Belt Victoria li kienet magħżula biex tkun il-Belt Kulturali Ewropea u appella biex din isservi biex tisssaħħaħ l-infrastruttura kulturali f’Għawdex biex din tibqa’ hemm bħala legat. Hu kkritika l-fatt li l-Mużew għal Għawdex ilu 13-il sena mhuwiex lest u saħaq li jeħtieġ faċilitajiet għad-dilettanti tal-karnival.
//= $special ?>

