Waqt id-dibattitu dwar l-Estimi tal-Budget 2026 għall-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid ukoll li l-ambjent irridu nibżgħu għalih waqt li naraw li jimxi id f’id ma’ żvilupp sostenibbli
Għawdex ma jistax jibqa’ vittma ta’ wegħdiet fiergħa. L-Għawdxin jixirqilhom serħan il-moħħ, viżjoni u gvern li jwettaq. Għawdex jixraqlu aħjar, u Gvern ġdid Nazzjonalista jagħtih dak li jixraqlu.
Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu tkellem fil-Parlament waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-Estimi tal-Budget 2026 għall-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
F’diskors li matulu tkellem ukoll dwar l-ippjanar u l-ambjent, il-Kap tal-PN elenka numru ta’ wegħdiet li l-Partit Laburista għamel dwar Għawdex fis-snin l-imgħoddija, u li qatt ma wettaq, waqt li spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin f’Għawdex.
Alex Borg qal li hemm differenza ċara bejn min jgħid u min iwettaq, u fakkar fid-diversi proġetti li l-Gvern Laburista ilu jsemmi għal Għawdex, u li qatt ma mmaterjalizzaw, fosthom:
· L-isptar il-ġdid b’430 sodda
· Breakwater f’Marsalforn
· It-tkabbir tal-MCAST
· Parkeġġ multi-level f’Marsalforn
· Ir-restawr tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda
· Il-ħolqien ta’ park naturali reġjonali
· Il-wegħda ta’ climate-neutral Gozo
· Il-Villaġġ tal-Karnival
Tkellem ukoll dwar il-wegħda ta’ Qorti ġdida f’Għawdex u filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li sa fl-aħħar il-Gvern iffirma ftehim biex jixtri proprjetà li se tinbidel f’Qorti ġdida, fakkar li din il-wegħda ilha 13-il sena tiġi miksura.
“Ilna snin twal niġu mwiegħda, sena wara sena, li se tinbena Qorti ġdida f’Għawdex,” qal Alex Borg, u filwaqt li fil-budget li ressaq il-Gvern erġajna ma smajna xejn dwar dan, issa qed jingħad li ntlaħaq ftehim għal bini ġdid. “Dan huwa tajjeb, għalkemm tard ħafna”, qal il-Kap tal-PN, imma issa rridu l-assigurazzjoni dwar diversi mistoqsijiet li qed isiru, fosthom konferma li s-sit intgħażel b’konsultazzjoni, u timeline ċar bi stima ta’ data meta l-Qorti se tibda taħdem.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella wkoll għat-trasparenza f’dan il-proġett u appella lill-Gvern biex jipprovdi wkoll stima tal-ispejjeż u l-fondi allokati, waqt li staqsa jekk twaqqafx kumitat ta’ monitoraġġ bis-sehem tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-avukati u l-istaff li jaħdem fil-Qorti ta’ Għawdex biex jagħtu l-fehma tagħhom dwar il-Qorti l-ġdida.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex illum u l-livell tal-għajxien tal-Għawdxin waqt li spjega kif Għawdex tilef il-kalma u l-kwalità tal-ħajja li kellu, bit-traffiku lejn ir-Rabat sar insapportabbli, bil-problemi tal-konnettività għadhom hemm b’vapur tat-tieni klassi li għadu theddida għall-aċċessibbiltà tal-anzjani, bi sptar ġdid li ġie mwiegħed tliet darbiet imma li għadu fuq il-karta, u b’toroq fi stat diżastruż minħabba li Għawdex ftit li xejn gawda min-nefqa ta’ €700 miljun fit-toroq.
Semma wkoll id-dewmien fis-servizzi għal tfal bi bżonnijiet speċjali u l-proġetti l-oħra li ilhom imwiegħda snin sħaħ fosthom għax-Xlendi u Marsalforn fejn suppost sar master plan. Irrefera wkoll għall-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex fejn wara disa’ snin ta’ tkaxkir tas-saqajn intilfu €5 miljun f’fondi Ewropej, u anke l-Innovation Hub li suppost kellu jkun benniena ta’ start-ups u opportunitajiet għaż-żgħażagħ imma li għadu kompletament nieqes minn kull viżjoni. Il-Kap tal-PN qal li b’seħħ immedjat, Għawdex jeħtieġ:
· Vapuri ġodda u konnettività ta’ min joqgħod fuqha, b’riforma u pjan serju għall-Port tal-Imġarr
· Infrastruttura denja mit-triq tal-Imġarr ’il fuq
· Viżjoni għall-SMEs f’oqsma bħall-Fintech u MedTech fl-Innovation Hub
· Pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku fil-Belt Victoria
· Servizzi soċjali u mediċi b’aċċess reali
· Sptar ġdid bi pjan u skadenzi ċari
· Kampus tal-Università b’korsijiet kreattivi u sostenibbli
· ITS li jsir ċentru għal small-scale tourism, flimkien ma’ turiżmu ta’ kwalità u t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Turiżmu f’Għawdex.
Meta tkellem dwar l-ippjanar u l-ambjent, il-Kap tal-PN qal li l-ambjent irridu nibżgħu għalih u naraw li jimxi id f’id ma’ żvilupp sostenibbli.
Alex Borg qal li l-budget ma indirizzax l-ippjanar b’serjetà u l-mudell ta’ “iktar u iktar” falla għax qed joħloq pressjoni fuq il-lokalitajiet u s-servizzi, bħalma falliet ir-riforma tal-ippjanar li l-Gvern ipprova jdaħħal baxx baxx, bla konsultazzjoni u bla ebda viżjoni imma nkixef mill-NGOs u mill-Oppożizzjoni waqt li kellu jċedi għall-pressjoni tal-pubbliku.
Il-Kap tal-PN qal li minflok iżomm il-bilanċ, il-Gvern jattakka l-ambjent meta pajjiżna għandu bżonn ambjent u żvilupp li jikkumplimentaw lil xulxin, bl-iżvilupp isaħħaħ il-lokalitajiet u mhux jeqridhom.
“Il-politika tal-Gvern Laburista li jġelled l-ambjent mal-iżvilupp falliet,” qal il-Kap tal-PN, waqt li tkellem ukoll dwar l-Awtorità tal-Ippjanar u qal li pajjiżna għandu bżonn awtorità tal-ippjanar u mhux awtorità tal-permessi – awtorità li tkun waħda moderna, ċara u konsistenti, li taħdem b’inqas red tape u aktar effiċjenza.
Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li tonqos il-burokrazija li ttawwal il-proċessi u taqta’ qalb in-nies, b’aktar investiment fit-teknoloġija u l-AI biex jiġu msaħħa t-trasparenza u l-ippjanar. Dan isir bl-introduzzjoni ta’ skemi ġodda għal żvilupp ta’ kwalità li jippremjaw lil min itejjeb il-kwalità urbana u rurali: rebates jew tax credits, fast-tracking u aċċess għal green financing għal min jilħaq standards għoljin.
//= $special ?>

