Lokali

Il-Banek qatt mhu se jitolbuk tittrasferixxi l-flus – Oqgħod attent għall-Frodi

Flimkien mad-diversi inizjattivi li ttieħdu s’issa mill-membri tas-settur bankarju, il-Malta Bankers’ Association (MBA) qed toħroġ dan l-appell kruċjali għall-azzjoni: it-tentattivi ta’ frodi qed jiżdiedu, u l-protezzjoni tal-komunità teħtieġ viġilanza minn kulħadd.

Fi stqarrija l-MBA qalet li filwaqt li l-frodisti qed isiru dejjem aktar sofistikati, ir-regola tad-deheb tibqa’ l-istess – il-bank tiegħek qatt mhu se jitolbok tittrasferixxi flus jew taqsam id-dettalji sensittivi tiegħek bit-telefon. “Inħeġġu lil kulħadd biex jieqaf, jivverifika, u jibqa’ attent. Flimkien, bħala komunità, nistgħu nwaqqfu dawn l-iskemi qabel ma jikkawżaw ħsara,” qal il-President tal-MBA Kenneth Farrugia.

Il-kriminali qed jużaw tattiċi dejjem aktar avvanzati, inkluż fost oħrajn li jimpersonaw impjegati tal-bank sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-klijenti biex jittrasferixxu fondi taħt pretesti foloz. Iżda l-banek qatt mhu se jikkuntattjaw lill-klijenti bit-telefon, bl-email, jew bl-SMS biex jitolbuhom jittrasferixxu flus għal kont ieħor. Lanqas qatt mhu se jitolbu dettalji sensittivi bħal passwords, PINs, jew kodiċijiet ta’ awtentikazzjoni bit-telefon jew b’mezzi oħra.

Dawk li jwettqu l-frodi jistgħu jidhru konvinċenti billi jużaw ismijiet reali, jirreferu għal tranżazzjonijiet potenzjali reċenti, u saħansitra juru n-numri tat-telefon leġittimi tal-bank fuq l-ID caller – tattika magħrufa bħala “spoofing.” Barra minn hekk, dawk li jwettqu l-frodi jistgħu jidhru leġittimi billi joħolqu relazzjonijiet ma’ vittmi potenzjali u mbagħad iħeġġu lil dawn l-individwi biex jibagħtu l-flus għal diversi raġunijiet. L-MBA u l-membri tagħha jagħtu parir qawwi kontra t-trasferiment ta’ flus, speċjalment lil nies li qatt ma ltqajt magħhom personalment, peress li dawk li jwettqu l-frodi spiss jiffurmaw “relazzjonijiet” biex aktar tard jipperswadu lill-vittmi biex jinvestu fil-kripto u skemi simili oħra.

Din mhix biss kwistjoni individwali – hija sfida komunitarja. Kull tranżazzjoni frodulenti ddgħajjef il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u tpoġġi lill-familji, lin-negozji u lill-ekonomija f’riskju. Inħeġġu lil kulħadd biex jaqsam dan il-messaġġ b’mod wiesa’ mal-qraba, il-ħbieb u l-kollegi. L-għarfien huwa l-aqwa difiża tagħna.

Jekk tirċievi telefonata bħal din, aqta’ t-telefonata immedjatament u kkuntattja lill-bank tiegħek permezz ta’ mezzi uffiċjali. Qatt m’għandek taġixxi fuq struzzjonijiet biex iċċaqlaq il-flus, anke jekk min qed iċempel isostni li dan huwa għall-protezzjoni tiegħek. Irrapporta kwalunkwe telefonata jew messaġġ suspettuż lill-bank tiegħek u lill-pulizija mingħajr dewmien.

L-MBA tħeġġeġ bil-qawwa lill-klijenti biex jadottaw l-approċċ ta’ “Ieqaf u Ivverifika”: jekk għandek xi dubju, waqqaf it-tranżazzjoni u ivverifika direttament mal-bank tiegħek. Il-protezzjoni tal-finanzi tiegħek tibda b’viġilanza attiva u kostanti.