Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-parlament li l-PN jemmen f’investiment fit-tfal u l-familja u g]alhekk qed jipproponi ċ-Child Trust Fund.
Hu qal li għax nemmnu f’politika soċjali li tagħti l-opportunitajiet biex wieħed jqum fuq riġlejh, dan l-aħħar biex nindirizzaw din id-diżugwaljanza fis-soċjetà, fejn aktar ma jmur qiegħed ikun hemm differenza aktar wiesgħa bejn min għandu u min ma għandux, ħriġna proposta li jkun hemm fond ta’ investiment għal kull wild ġdid li jitwieled.
B’hekk kull wild, irrispettivament mill-familja li twieled fiha, jibda l-ħajja bl-istess opportunità. Kull wild ġdid li jitwieled jinfetaħ fond ta’ investiment ta’ €5,000 li jiġu nvestiti f’isem dik it-tarbija li twieldet.
Dan l-ammont jikber mal-medda ta’ snin. Jekk ikun hemm interess konservattiv ta’ 2%, f’20 sena dan il-fond jikber għal €7,430. Jekk minn naħa oħra dan ikollu interess ta’ growth ta’ 5% jew aggregiated ta’ 6.5% allura dan il-fond jikber għal €13, 260 u €17,260 rispettivament.
Dan il-fond mhux ser jieħu post benefiċċji jew allowances lit-tfal jirċievu. Il-ġenituri jew min jieħu ħsieb dawn it-tfal jistgħu huma wkoll jżiedu ma’ dan il-fond iniżjali. L-esperjenza turina li diversi drabi n-nanniet jagħtu xi flus lin-neputijiet u allura dawn l-għotjiet jistgħu jingħaqdu ma’ dan il-fond.
Fil-fatt, jekk ikun hemm imqar €500 żieda f’kull sena fil-fond, allura fuq medda ta’ 20 sena, il-fond jikber għal €20,570. F’każ li l-interessi jkun ta’ 5% allura l-fond jikber għal €28,520 u jekk r-rata tkun ta’ 6.5%, allura l-fond jitla’ għal €34,300.
Din il-proposta tagħmel aktar sens meta wieħed jara l-istatistika li turi li hawn tfal li qiegħdin f’riskju ta’ faqar jew inkella esklużjoni soċjali. Fil-fatt, ir-rapport maħruġ mill-NSO għal 2024, indika li bir-rata ta’ AROPE, wieħed minn kull erbat itfal f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Dan ifisser li hawn 25.9% mit-tfal Maltin jew aħjar madwar 29,000 tifel u tifla qiegħdin f’dan ir-riskju. Fl-2024, f’Malta kien hawn 19.7% tal-ċittadini Maltin li kienu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, li jammonta għal madwar 113,100 persuna.
B’hekk, permezz ta’ din il-proposta ta’ fond, qiegħdin nagħtu l-opportunità lil kullhadd, anke dik il-persuni li forsi trabbiet f’ambjent ta’ vulnerabbiltà u ta’ nuqqasijiet, biex jimxu ‘l quddiem.
Filwaqt li hawn min igħid li din l-iskema mhux sa naraw il-frott tagħha issa, tajjeb li ngħid li bl-istess loġika ta’ ħsieb, allura meta ngħallmu lit-tfal tagħna l-iskola minn età bikrija nkunu qiegħdin naħlu l-ħin għaliex il-frott ta’ dak it-tagħlim naraw ferm aktar snin wara. Hemm min tkaża wkoll li din il-miżura se ninvestu €22 miljun fis-sena fuq rata ta’ twelid ta’ madwar 4,500 twelid.
Hu qal li min tkaża b’din iċ-ċifra, għandu fil-fatt jitkaża wkoll bl-isparparjar ta’ eluf fuq konsultenti fażulli u fuq €11 il-biljun dejn.
Albert Buttigieg sostna li hu żgur li skont studju li sar minn NCPE jidher ċar li l-ġenituri jridu aktar ħin ma’ wliedhom u li jippreferu li joqgħodu ma’ wliedhom minflok li jibgħatuhom saħansitra ta’ tliet xhur fiċ-child care centres. Għaldaqstant, ikun aħjar li jekk wieħed mil-ġenitur jixtieq joqgħod mat-tarbija tiegħu ta’ 3 xhur, dan jitħallas u l-Gvern flok iħallas lil child care centre għal dik it-tarbija, jħallas lill-ġenitur?
Filwaqt li hemm numru ta’ miżuri tajbin għall-adozzjoni u fostering u tnaqqis ta’ taxxa nemmen li l-għajnunijiet finanzjarji tajbin kemm huma tajbin mhumiex biżżejjed.
Iċ-child trust fund hu fond ta’ investiment huwa mod pro-attiv kif nistgħu nharsu l-futur ta’ uliedna fejn kull persuna għandha l-istess opportunità. Irridu ninvestu wkoll mhux biss flus imma anke ħin u strutturi oħra li verament jagħtu ħarsien ħolistiku lit-tfal u lil familji tagħhom. Nemmen bis-sħiħ li meta nvestu fit-tfal u fil-familja, allura nkunu qegħdin ninvestu fil-futur tagħna lkoll, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>

