Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista – permezz tal-membri tiegħu fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) tal-Parlament – se jkun qed jitlob lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jiftaħ investigazzjoni dwar l-operat ta’ Malita Investments plc.
It-talba lill-Awditur Ġenerali se ssir fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li qed isiru mill-eks MEP Laburista Marlene Mizzi dwar indħil politiku fil-kumpanija Malita plc, li tagħha kienet Chairperson. Din il-kumpanija hija responsabbli fost l-oħrajn għall-immaniġġjar ta’ proġetti tal-housing tal-Istat li jiswew miljuni ta’ ewro.
L-investigazzjoni qed tintalab ukoll fid-dawl tal-allegazzjoni li l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes kien qed jitħabbeb ma’ ċerti kuntratturi tal-kumpanija.
Marlene Mizzi qed tallega li tneħħiet mill-kariga minn Roderick Galdes ftit biss wara laqgħa li kellha miegħu fl-uffiċċju tiegħu u li matulha ġibditlu l-attenzjoni dwar l-indħil politiku fil-kumpanija.
B’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern Laburista għandu minnufih jieħu l-passi kollha neċessarji biex toħroġ il-verità kollha dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dan is-settur u l-iskop li kien hemm warajhom.
//= $special ?>

