Wara diversi rapporti fil-midja relatati man-nar li seħħ fl-iscrapyard tal-JAC Steel fil-Marsa nhar il-Ġimgħa
li għadda, 21 ta’ Novembru 2025, il-KPH, qalet li l-fabbrika tal-ġwież tagħha li tinsab biswit l-iscrapyard, ħasset li huwa opportun li tikkummenta wkoll.
L-ewwel u qabel kollox, il-KPH tixtieq tesprimi pubblikament il-gratitudni sinċiera tagħha lid-Dipartiment
tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, Transport Malta, il-LESA, u l-individwi u t-timijiet
kollha li wieġbu b’ħeffa, professjonaliżmu, u koordinazzjoni eċċezzjonali. L-azzjonijiet f’waqthom ipprevjenu dak li seta’ kien diżastru fuq skala nazzjonali. Traġedja li setgħet kellha impatt serju fuq l-operazzjonijiet tagħna u fuq is-settur tal-bhejjem u s-sigurtà nazzjonali tal-ikel ġiet evitata
Immedjatament wara l-inċident, il-KPH bdiet valutazzjoni sħiħa u urġenti tas-sitwazzjoni. It-timijiet tagħna
aġixxew malajr biex jiżguraw iz-zona, neħħew il-perikli potenzjali kollha, u bdew isewwu t-tagħmir li ġarrab ħsara b’riżultat tal-inċident.
ll-materja prima u materjal ieħor li seta’ ġie affettwat ġie iżolat bir-reqqa u qed jitħejja għar-rimi skont l-istandards legali, ambjentali u veterinarji kollha, u ttieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-ogħla livell ta’ sigurtà tal-għalf.
Barra minn hekk, kampjuni għall-ittestjar ġew miġbura mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mill-KPH stess.
Fl-istess ħin, diġà saru arranġamenti biex tiġi fornuta l-materja prima meħtieġa, kemm mill-faċilitajiet ta’ ħażna barra mis-sit kif ukoll migħand il-fornituri . Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżguraw li l-operat jkompli minnufih u li l-provvista lill-komunità agrikola tibqa’ mingħajr interruzzjoni.
Dan l-inċident jenfasizza r-realtà li l-KPH qed tiġi mġiegħla tgħix biha għal ħafna snin. Li topera ħdejn
scrapyard jesponiha għal periklu serju kontinwu. Dan il-periklu ġie ripetutament miġjub għall-attenzjoni
tal-awtoritajiet rilevanti, inkluż permezz ta’ atti ġudizzjarji. Ilna nwissu li din is-sitwazzjoni tippreżenta
theddida inaċċettabbli fuq diversi fronti: tipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tagħna, tpoġġi l-kontinwità tal-operazzjonijiet taħt pressjoni kostanti, u toħloq riskju sinifikanti għas-sigurtà tal-ikel ta’ Malta.
Bħala waħda mill-produtturi ewlenin tal-għalf tal-pajjiż, li jipprovdi għalf għall-baqar u annimali oħra miżmuma fl-irziezet, ħsara serja lill-fabbrika kien ikollha konsegwenzi kbar għas-settur agrikolu
lokali. Madankollu sal-lum, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jidhru li qed iduru mal-lewża meta jsostnu li m’hemm l-ebda tħassib dwar materji marbuta mas-saħħa u s-sigurtà bl-operatur tal-iscrapyard jitħalla jibqa’ jopera b’mod liberu.
L-inċident tal-Ġimgħa li għadda jsaħħaħ, jekk qatt kien hemm bżonn, dak li l-KPH ilha tiddikjara li l-periklu li joħloq l-iscrapyard jeħtieġ li jiġi indirizzat qabel ma sseħħ traġedja. Il-KPH tittama sinċerament li issa jittieħdu miżuri ta’ infurzar biex jiġi żgurat li kull min ikun responsabbli jbati l-konsegwenzi tal-atti jew l-ommissjonijiet tiegħu.
Nerġgħu nestendu r-ringrazzjament mill-qalb tagħna lis-servizzi u l-ħaddiema kollha tal-emerġenza li xxogħol tagħhom evita ħsara immensa. Id-dedikazzjoni tagħhom ippermettiet biex aħna nkunu nistgħu
niffokaw biex nerġgħu nibdew noperaw minnufih, inħarsu l-protezzjoni tas-settur tal-ħalib, u nkomplu
nappoġġjaw ambjent aktar sikur għall-impjegati tagħna, l-operat tagħna, u l-katina tal-provvista tal-ikel ta’ Malta.


