Internazzjonali

Irlanda ta’ Fuq: Aktar umiljazzjonijiet għall-eks Prinċep Andrew

L-umiljazzjonijiet mhumiex  jonqsu għall-eks Prinċep Andrew tal-Ingilterra, li, ġimgħat ilu, tilef it-titli rjali minħabba r-rabtiet li kellu mal-biljunjaru-pedofelu Amerikan Jeffrey Epstein.

U waqt li Epstein, li kien jittraffika u jabbuża lit-tfajliet minorenni, spiċċa joqtol lilu nnifsu f’ċella ta’ ħabs, Andrew qed jispiċċa  mwarrab minn kullimkien bħala ‘is-sieħeb’ tal-Amerikan – bl-aħħar aħbar tinvolvi belt fl-Irlanda ta’ Fuq li qed tibdel l-isem ta’ triq li ssemmiet għall-eks-prinċep.

Il-Kunsill fil-belt ta’ Carrickfergus, għaldaqstant, iddeċieda dwar isem ġdid minflok Prince Andrew Way ġimgħat wara li r-Re Karlu iddeċieda biex ħuh iż-żgħir jispiċċa ridott għal sempliċi ċittadin privat bl-isem ta’ Andrew Mountbatten-Windsor.

Dan meta l-iskandlu ‘Epstein’ għadu qed jiżviluppa u wara li Andrew, fl-aħħar xhur, kien suġġett għall-iskrutinju kontinwu dwar dak kollu li kien qed joħroġ fil-beraħ rigward il-ħbiberija bejnu u l-biljunarju Amerikan.

L-agħar mument għal Andrew, din is-sena, kien meta ħareġ il-memoir ta’ Virginia Giuffre (illum mejta) li kienet waħda mill-vittmi ta’ Epstein u li wkoll akkużat lil Mountbatten-Windsor bħala ‘predatur sesswali’  fuq l-istess livell tal-biljunarju. Intant, l-eks-Prinċep għadu qed jiċħad li abbuża lil Giuffre u lil tfajliet oħrajn li kienu fil-kumpannija tiegħu u ta’ Jeffrey Epstein.