“In-negozju Malti għandu jkompli jiġi inċentivat kif ukoll jingħata l-opportunitajiet neċessarji sabiex ikompli jikber, jifjorixxi u jżommna kburin bl-identità tagħna.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif matul il-jum tat-Tlieta kellu żjara fil-fabbrika tal-Maypole f’Ħal Qormi fejn ra d-dedikazzjoni tal-ħaddiema Maltin – bl-aħħar teknoloġija tassistihom għall-aqwa kwalità ta’ prodotti.



F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem fuq l-importanza li negozji bħal dawn jiġu ssalvagwardjati.
Matul iż-żjara tiegħu, Alex Borg ra l-ħidma li ssir f’din il-fabbrika – minn tiżjin ta’ kejkiet, għall-ippakkjar tal-ħelu, kif ukoll ra l-process kif isir il-ħobż ferm popolari mal-Maltin.



Dan apparti li qatta’ ħin ukoll jitkellem mal-ħaddiem li lkoll spjegawlu x-xogħol li jsir fil-fabbrika jum wara l-ieħor fejn fissru kif bħalissa x-xogħol għaddej ġmielu bi preparamenti għall-Milied.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar ukoll l-uffiċini tal-Maypole u tkellem mal-management u l-ħaddiema preżenti.

Net News tkellem ma’ wieħed mid-Diretturi tal-Maypole Sebastian Debono li fisser il-ħidma tal-kumpanija kif ukoll dwar l-isfidi li jaffaċċjaw kaġun tat-traffiku f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Ryan Callus kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Sabine Agius Cabourdin.



