Lokali

IS-SERQA TA’ VITALS U STEWARD: Eks ambaxxatur jispjega għaliex din kienet biss “frodi u reat”

Fi kliem l-eks ambaxxatur Malti għall-UE John Vassallo, Steward u l-Gvern qed jerġgħu jikkonfoffaw biex iqarrqu bl-elettorat. Dan wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-arbitraġġ internazzjonali – rapport li ntuża biss biex ikun ħadma sabiex inessi x’intqal mill-Qrati Maltin.

Fit-Times, l-eks ambaxxatur Malti jispjega li din id-deċiżjoni tal-arbitraġġ mhix sentenza ta’ Qorti; għalkemm fl-istess waqt, kixfet kif bħala pajjiż ħriġna mad-€900 miljun għal dan id-deal frawdolenti.

Vassallo jinsisti li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jidħak bin-nies, u jqarraq bil-propaganda. Dan filwaqt li jipprova jitfa’ dan l-iskandlu enormi taħt it-tapit.

John Vassallo jfakkar ukoll kemm il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellha raġun fuq din is-serqa tal-isptarijiet. U jgħid li probabbilment, dan kien l-akbar reat li qatt seħħ kontra Malta. Dan filwaqt illi jinsisti li d-deal ta’ Vitals u Steward kien biss “frodi”.

“Dan huwa reat li jitfagħna fl-iktar punt baxx, fejn għandek aktar minn €400 miljun li mhemm xejn x’juru għalihom”, kiteb Vassallo fit-Times of Malta.

Fuq kollox, jistaqsi kif il-Gvern jista’ jibqa’ jdawwar il-fatti bil-mod kif qed jagħmel.