Futbol Sport

KAŻ XOKKANTI: Klabb Malti u aġent ta’ plejer Malti fil-mira ta’ frodist, bi skuża ta’ trasferiment ma’ klabb Ġermaniż

Klabb Malti u aġent ta’ plejer fil-mira ta’ frodist, bi skuża ta’ trasferiment tal-plejer Malti ma’ klabb Ġermaniż.
Klabb Malti u aġent ta’ plejer fil-mira ta’ frodist, bi skuża ta’ trasferiment tal-plejer Malti ma’ klabb Ġermaniż.

Dak li kellu jkun l-akbar transfer ta’ plejer Malti għal ma’ klabb barrani, fl-aħħar sigħat spiċċa biex mhux biss sfaxxa iżda kien każ ta’ scam; wieħed minn ħafna scams li qed jiġru fil-futbol Ewropew minn ċirku kriminali ta’ nies li jaġixxu ta’ uffiċjali għolja ta’ klabbs Ewropej.

Dawn l-istess persuni kriminali javviċinaw lill-klabbs, għan-nom ta’ klabb ieħor, biex jesprimu interess fl-akkwist ta’ plejer, bil-persuna li tkun qed twettaq l-iscam taġixxi b’mod tant professjonali li jkun diffiċli kemm għall-klabb li jkun qed jiġi avviċinat u saħansitra għall-aġent tal-plejer, li jintebħu mill-ewwel li dak li jkun qed jiġi negozjat hu kollu att ta’ kriminalità u fil-verità ma jkun hemm ebda interess mill-klabb fil-plejer inkwistjoni.

Fl-aħħar żviluppi ma’ dan iċ-ċirku ta’ kriminalità internazzjonali, Net News jista’ jiżvela b’mod esklussiv li klabb tal-Malta Premier, Birkirkara, kien viċin li jkun iffrodat eluf ta’ ewro minn persuna kriminali, li fl-aħħar jiem aġixxa ta’ direttur sportiv ta’ klabb fit-tieni diviżjoni tal-Ġermanja, biex jesprimi l-interess tiegħu fl-akkwist ta’ plejer internazzjonali Malti. Hu mifhum li s-somma offruta lil Birkirkara għall-akkwist ta’ dan il-plejer kienet se tkun waħda rekord, li għamilha diffiċli għall-istess klabb biex jirrifjuta l-offerta, li fl-aħħar mill-aħħar kienet waħda fittizja.

Net News għandu d-dettalji kollha ta’ dak li ġara, inkluż l-isem tal-plejer, però għalissa se nkunu qed niżvelaw id-dettalji l-aktar bażiċi ta’ dan l-iskandlu. Il-plejer internazzjonali Malti kellu jħalli Malta llum għall-Ġermanja, biex jagħmel it-testijiet mediċi, madankollu l-affarijiet ħadu xejra oħra lbieraħ filgħaxija fit-tard.

Jingħad li l-persuna li kienet qed taġixxi ta’ direttur sportiv ta’ klabb Ġermaniż, għamel kuntatt mas-segretarju ta’ Birikirkara, fejn talbu €12,000. L-iskuża għat-talba ta’ dan l-ammont kienet biex dawn il-flus jagħmlu tajjeb għall-ħlas ta’ taxxa biex ikun finalizzat it-trasferiment. Kien hawnhekk fejn Birkirkara bdew jissuspetaw li kien hemm xi ħaġa ħażina u li ma tagħmilx sens, u li setgħu kienu vittmi ta’ scam minn ċirku ta’ persuni kriminali.

Wara li l-amministrazzjoni tal-klabb, taħt it-tmexxija tal-President Michael Valenzia, għamlet kuntatt immedjat kemm mal-European Football Clubs, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-klabbs Ewropej u li hi rikonoxxuta mill-UEFA u l-FIFA, kif ukoll direttament mal-klabb Ġermaniż, Birkirkara saru jafu li ma kien hemm ebda negozjati għaddejjin, għaliex dak li kien qed iseħħ kien scam ieħor li din id-darba l-vittmi kienu Birkirkara u l-aġent tal-plejer internazzjonali Malti.

Net News hu infurmat li tard ilbieraħ filgħaxija, il-President Valenzia informa mill-ewwel lill-aġent tal-plejer b’dak kollu li kien qed jiġri, b’dan tal-aħħar ma kellu ebda ħjiel ta’ dan l-att kriminali. Tant kemm hu hekk li l-aġent qal lill-klabb Malti li kien aċċetta li jħallas is-somma ta’ madwar €30,000 lill-persuna li kienet qed tqarraq b’kulħadd. L-aġent tal-plejer intalab li jħallas dan l-ammont, bil-patt li dawn il-flus kien se jeħodhom lura, u li kienu jagħmlu tajjeb għall-biljett tal-ajru u t-testijiet kollha mediċi li kellhom bżonn isiru fuq il-plejer, sabiex ikun finalizzat it-trasferiment.

Kien hawnhekk li lbieraħ filgħaxija fit-tard, il-President Valenzia talab lill-iscamer u l-aġent tal-plejer biex jagħmlu telefonata ta’ malajr bejniethom it-tlieta. L-iscamer aċċetta, u malli Valenzia talbu biex it-tlieta li huma jixegħlu l-camera tal-mobile, biex kulħadd jara wiċċ xulxin, l-iscamer ġab skuża li ma setax jagħmel dan.

Ir-risposta tal-frodist kienet indikazzjoni biżżejjed li Birkirkara u wisq aktar l-aġent tal-plejer internazzjonali Malti, kienu vittmi ta’ scam u għalhekk Valenzia akkużah li hu frodist.

Għal din l-akkuża, il-frodist beda jidħaq b’daħqa sarkastika u ammetta ma’ Valenzia u l-aġent tal-plejer, li kien għadu kemm iffroda lill-aġent tal-plejer u aċċertahom li l-flus li kienu tħallsu ma kinux se jeħduhom lura, li qatt ma kienu se jsiru jafu min hu u li l-Pulizija kienet ilha s-snin tipprova taqbdu, imma mhux se jirnexxilha.

L-iscamer temm it-telefonata u Birkirkara u l-aġent tal-plejer ma rrnexxilhomx jerġgħu jagħmlu kuntatt ma’ din il-persuna, li kkonferma li kien għadu kemm iffroda lill-aġent tal-plejer, għalkemm b’xorti tajba ma rrnexxilux jagħmel l-istess ma’ Birkirkara.

Dan l-isklandlu li qed jiżvela Net News hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u mistenni jiftaħ għajnejn il-klabbs Maltin, fin-negozjati futuri li kwalunkwe klabb Malti se jkun qed jagħmel ma’ uffiċjali ta’ klabbs barranin.

Intant, Net News hu infurmat li dalgħodu stess, il-President ta’ Birkirkara kellu laqgħa virtwali mal-ECA, l-assoċjazzjoni li tagħha Birkirkara huma wieħed mill-klabbs fundaturi, fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja ta’ Barcelona u Stuttgart, li huma tnejn mill-klabbs li fil-passat riċenti kienu vittmi ta’ każ simili. Hu mifhum li dawn qasmu informazzjoni sensittiva bejniethom u li tista’ twassalhom biex ikun identifikat dan iċ-ċirku ta’ kriminalità internazzjonali li f’dawn l-aħħar xhur ħasad il-futbol internazzjonali, b’qerq u frodi ta’ miljuni ta’ ewro.