Birkirkara kkonfermaw l-istorja esklussiva li żvela Net News aktar kmieni llum permezz ta’ dan is-sit, fejn żvelajna li l-imsemmi klabb u agent ta’ plejer minn tagħhom, kienu fil-mira ta’ frodist, bi skuża ta’ trasferiment tal-plejer Malti ma’ klabb Ġermaniż.
Permezz ta’ stqarrija fuq il-paġna soċjali ta’ Birkirkara, il-klabb żied jgħid aktar dettalji ma’ dak li ħabbar dan is-sitt. Birkirkara qalu li persuna, li aġixxa ta’ Direttur Sportiv ta’ klabb fil-Ġermanja, kien għamel kuntatt magħhom, b’offerta finanzjarja attrajenti ħafna, għal wieħed mill-plejers tagħhom. Il-plejer kien ukoll ġie kkuntattjat direttament u ppreżentat b’offerta li dehret diffiċli biex tiġi miċħuda.
L-istqarrija tal-klabb kompliet tgħid li “matul il-jiem li għaddew, Birkirkara u l-plejer ħadmu mill-qrib flimkien biex jippruvaw iwettqu l-ħolma tal-plejer li jingħaqad ma’ klabb f’Kampjonat aktar b’saħħtu u b’kundizzjonijiet personali bil-wisq aħjar minn dak li għandu llum.”
L-istqarrija kompliet tikkonferma d-dettalji li żvela Net News. “Ilbieraħ filgħaxija l-klabb irċieva dokument suspettuż li minnufih qajjem tħassib fost l-uffiċjali tiegħu. Komunikazzjonijiet sussegwenti wasslu biex il-klabb ġie mitlub iħallas dak li ġie deskritt bħala “taxxa temporanja tat-trasferiment,” b’assigurazzjoni li s-somma kienet se tiġi rrifunduta.
Grazzi għall-għaqal tat-tim legali ta’ Birkirkara FC u l-appoġġ tal-avukati tal-ECA, ġie stabbilit malajr li l-proposta “kienet frawdolenti u li ma kellux jittieħed aktar azzjoni.”
Kien hawnhekk, preċiżament kif żvela dan is-sit, li Birkirkara, għamlu kuntatt dirett mal-klabb Ġermaniż inkwistjoni, “li wieġbu b’mod pront u professjonali. Huma kkonfermaw minnufiħ l-offerta ma kinitx ġenwina u li kienet diġa’ għadejja investigazzjoni mill-pulizija wara li l-istess klabb (Ġermaniż) kien irċieva rapporti simili mingħand klabbs u aġenziji oħra.”
Birkirkara xtaqu jesprimu l-gratitudni tagħhom lil dawk kollha involuti, b’mod partikolari lit-tim legali tiegħu, lill-ECA, u lir-rappreżentanti tal-klabb Ġermaniż għall-assistenza u l-kooperazzjoni tagħhom biex jiġu protetti l-interessi ta’ Birkirkara FC.
//= $special ?>

