Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb bl-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru li l-għoli tal-ħajja qed ikompli jirranka, u bl-istudju li kien ippreżentat dalgħodu waqt konferenza nazzjonali dwar is-suq tal-proprjetà li juri kif il-prezzijiet tal-proprjetà qed ikomplu jiżdiedu b’mod qawwi.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Ivan Bartolo u Bernice Bonello intqal li l-istatistika tal-NSO turi kif f’Ottubru r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta reġgħet għoliet meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, biex issa tinsab fil-livell ta’ 2.7%. Skont l-NSO, l-akbar żieda li kkontribwiet biex ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja reġgħet għoliet minn 2.4% f’Settembru għal 2.7% f’Ottubru kienet iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb. Żidiet oħra kienu rreġistrati fl-indiċi tal-prezzijiet tat-trasport u l-komunikazzjoni.
Din l-istqarrija dwar l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (Retail Price Index) hija konferma li l-prezzijiet ta’ dawk li huma l-aktar affarijiet essenzjali għall-familji Maltin jibqgħu fost l-aktar li qed jogħlew u l-Maltin jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet dejjem ogħla. Dan qed ikollu effetti negattivi mhux biss fuq il-familji, iżda wkoll fuq setturi ekonomiċi li l-ispejjeż biex joperaw qed ikomplu jogħlew filwaqt li l-qligħ tagħhom jonqos.
Ir-rata tal-għoli tal-ħajja għal Ottubru mhux biss żdiedet fuq ix-xahar ta’ qabel imma żdiedet sew ukoll fuq Ottubru tal-2024 meta kienet fil-livell ta’ 1.6%. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ sena, kien hemm żieda ta’ aktar minn punt perċentwali fir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna. Lil hinn mill-perċentwali, din hija r-realtà iebsa ta’ kuljum għal eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin: spejjeż dejjem jiżdiedu, pagi li ma jlaħħqux u Gvern li jagħlaq widnejh għall-inkwiet tan-nies.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-istudju ppreżentat dalgħodu mill-KPMG u l-Malta Development Association (MDA) dwar is-suq tal-proprjetà, dan wera li l-prezz medju ta’ appartament illum ilaħħaq l-€414,621 anke jekk id-daqs ta’ dawn il-proprjetajiet fis-suq qiegħed kulma jmur jiċkien. Dan ifisser li l-prezz medju żdied b’madwar €40,000 fuq perjodu ta’ sena.
Bl-istess mod żdiedu wkoll il-prezzijiet medji ta’ proprjetajiet oħra bħalma huma penthouses, maisonettes u terraced houses. L-istudju wera kif il-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta żdiedu bi kważi €15,000 fis-sena mill-2017 lil hawn, b’dawk tal-appartamenti żdiedu b’aktar min-nofs (59%).
L-istess studju jikkonferma kif l-aktar li qed ibatu minħabba f’dawn iż-żidiet huma ż-żgħażagħ u l-first-time buyers, bl-istudju jistma li koppja żagħżugħa fuq il-paga minima tista’ taffordja biss 2.2% tal-proprjetajiet li hawn fis-suq illum – li jfisser tnaqqis qawwi mir-rata ta’ 5.7% sena ilu.
Huwa inkredibbli kif dalgħodu – meta kien qed jindirizza l-istess konferenza li matulha ġie ppreżentat dan l-istudju – il-Prim Ministru baqa’ jmeri s-sewwa magħruf u minkejja l-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju, kompla jirrepeti l-mantra li llum aktar nies f’Malta huma sidien ta’ djarhom. Dan għaliex skont hu, l-istatistika turi li dawn żdiedu.
Skont Robert Abela, li tgħid li l-Maltin ma jistgħux jaffordjaw li jkunu sidien tad-dar tagħhom mhi xejn ħlief “trend”, għax fir-realtà, ir-rata ta’ dawk li huma sidien ta’ djarhom żdiedet għal 82%.
Il-problema hi li lil hinn mill-istatistika u n-numri, il-Maltin u l-Għawdxin mhux qed jgħixu l-istess realtà li jidher li qed jgħix il-Prim Ministru, b’ħafna familji, b’mod partikolari first-time buyers, qed isibuha diffiċli li jixtru l-ewwel dar tagħhom, u kulma jmur aktar żgħażagħ qed ikollhom iserrħu fuq għajnuna mingħand il-ġenituri biex ikunu jistgħu jixtru proprjetà.
Dan l-istudju juri wkoll li l-prezzijiet tal-proprjetà qed jiżdiedu b’rata ferm akbar milli qed jiżdiedu l-pagi u allura aktar nies qed ibatu biex ilaħħqu.
Biż-żidiet fil-prezzijiet tal-proprjetà li joħorġu minn dan l-istudju malajr taru mar-riħ l-għotjiet li ħabbar il-Gvern fil-Budget 2026 biex suppost inaqqas il-piż lil dawk li jridu jixtru proprjetà imma ma jaffordjawx jagħmlu dan.
Dawn il-konklużjonijiet jiżdiedu ma’ dawk ta’ stħarriġ simili minn Esprimi Malta li ħareġ ġimgħa ilu, u li fih 95% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li qed isir dejjem aktar diffiċli biex illum wieħed jaffordja li jixtri dar. L-akbar ostakli għal dan, qalu dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, huma l-prezzijiet għoljin tal-proprjetà segwiti mid-diffikultà biex wieħed jieħu self u l-ammont kbir li wieħed ikun mistenni joħroġ biex jagħmel id-depożitu inizjali.
Hija ħasra li l-Gvern Laburista qed ikompli jinjora dawn ir-realtajiet u filwaqt li jibqa’ ċass quddiem iż-żidiet fl-għoli tal-ħajja u fil-prezzijiet tal-proprjetà, iwarrab għalkollox is-soluzzjonijiet li qed tressaq l-Oppożizzjoni biex jiġu indirizzati dawn il-kriżijiet li qed ikollhom effett fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>

