Livell għoli ta’ alkoħol, kemm mit-testijiet tal-urina kif ukoll mill-breathalyser, kien fiċ-ċentru tal-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Benjamin Chetcuti, is-suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid li qed jaffaċċja akkużi ta’ qtil involontarju u sewqan perikoluż.
L-inċident seħħ fil-Belt Valletta fit-27 ta’ Lulju qabel l-10 ta’ filgħaxija, ftit tal-jiem wara li l-imputat kien sar suldat regolari fil-Forzi Armati ta’ Malta. Skont l-evidenza ppreżentata diġa’ preżentata fil-Qorti, Chetcuti kien qed isuq karozza Subaru Impreza b’veloċità stmata ta’ 98 kilometru fis-siegħa meta ħabat ma’ Ford Fiesta misjuqa mill-koppja Azzopardi, kif ukoll ma’ diversi vetturi oħra li kienu pparkjati fil-viċinanzi.
Il-ħabta kienet fatali għal Mildred Azzopardi, ta’ 62 sena mill-Ħamrun, li kienet tinsab qrib il-vettura tagħha flimkien ma’ żewġha Alfred. Il-mara nqabdet bejn il-vetturi u mietet fuq il-post kawża ta’ emoroġija severa u ksur fl-għadam. Żewġha sofra ġrieħi gravi u ttieħed Mater Dei f’qagħda kritika, għalkemm aktar ’il quddiem il-kundizzjoni tiegħu bdiet tissokta għall-aħjar.
L-ewwel xhud kien l-espert mediku mqabbad mill-qorti, Dr Godwin Sammut, maħtur mill-Maġistrat inkwerenti Ian Farrugia. Hu spjega li analizza kampjun ta’ urina tal-akkużat miġbur fl-28 ta’ Lulju u trasportat mill-kamra mortwarja bil-proċeduri kollha meħtieġa ta’ sigurtà.
Ir-riżultati wrew li l-kampjun kien pożittiv b’aktar minn 30,000 mamogramms għal kull millitru fuq l-ammont tad-demm, filwaqt li l-analiżi tal-alkoħol tal-urina indikat livell ta’ 360 milligramms għal kull 100ml, figura ferm ogħla mil-limitu legali.
Ix-xhieda kompliet it-Tlieta filgħodu ukoll bil-Kunstabbli Amanda Vanz mill-għassa tal-Belt, li qalet li fl-27 ta’ Lulju għall-ħabta tas-9.45pm ġew infurmati mill-Control Room dwar vettura li ħabtet ma’ karozzi pparkjati u li kien hemm diversi persuni midruba.
Meta waslet fuq il-post, sabet tliet karozzi maħbuta u mara bid-demm f’wiċċha, filwaqt li tabib kien diġà beda jagħti l-għajnuna. It-triq kienet ingħalqet minħabba l-emerġenza. Fil-Ford Fiesta misjuqa mill-koppja Azzopardi kien hemm Alfred Azzopardi maqbud ġewwa, li informa lill-uffiċjali li kien persuna b’diżabilità.
Vanz qalet li fuq il-post bdiet tistaqsi min kien is-sewwieq tal-vettura l-oħra, u li l-akkużat, Benjamin Chetcuti, instab f’qagħda ta’ xokk kbir. Mildred Azzopardi, mart Alfred, kienet diġà mietet fuq il-post. Il-Kunstabbli Gabriel Falzon xehed li meta mar fuq il-post sab persuna li ma kinitx qed tirrispondi u t-tim mediku kien impenjat fl-assistenza.
Huwa kien involut fit-teħid tal-breathalyser tal-akkużat, u qal li Chetcuti kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Madonllu qal li t-test tal-breathalyser sar minn kollega tiegħu u rriżulta pożittiv. Sieħbu fil-Korp, l-uffiċjal Jonathan Sterry, xehed ukoll dwar l-istess ġurnata, li meta ssejjaħ għall-inċident għall-ħabta tad-9.50pm sab lill-paramediċi jassistu lill-vittmi.
Huwa semma li identifika lis-sewwieq tas-Subaru bħala Benjamin Chetcuti u li kien hu li talab li jsir il-breathalyser, li ta riżultat pożittiv immedjat. Il-prosekuzzjoni, qed titmexxa mill-Avukat Danika Vella u s-Supretendent Nicholas Vella.
Min-naħa tiegħu, Chetcuti qed jiġi assistit minn tim legali magħmul mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit, Jacob Magri u Arthur Azzopardi. Il-familja tal-vittmi qed tkun rappreżentata mill-avukati Peter Fenech u Luigi Fenech.
Il-kumpilazzjoni ta’ evidenza se tkompli fit-13 ta’ Jannar li ġej fis-10 ta’ filgħodu, bil-Qorti mistennija tisma’ aktar xhieda u rapporti tekniċi dwar il-ħabta li ħalliet konsegwenzi traġiċi fuq il-familja Azzopardi.
//= $special ?>

