F’ruling, l-Ispeaker tal-parlament Anġlu Farrugia kkonferma li l-Oppożizzjoni kienet daħlet sottmissjonijiet dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Volontarjat.
Dan ir-ruling jikkontradixxi dak li qalet il-Ministru Julia Farrugia meta allegat li l-Oppożizzjoni ma kienet daħħlet l-ebda sottmissjoni.
Fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2025, il-Ministru Julia Farrugia għamlet referenza għas-seduta ta’ dakinhar filgħodu, fejn kien hemm diskussjoniji dwar il-volontarjat u s-settur tad-diżabilità. Hi allegat li l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda sottomissjoni x’tagħmel matul il-konsultazzjoni pubblika.
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea għamlet point of order fejn qalet li dan mhux veru u sostniet li l-Oppożizzjoni daħħlet is-sottomissjoni tagħha. Julia Farrugia sostniet li l-Kamra ġiet żvijata għaliex is-sottomissjonijiet kienu qegħdin jintlaqgħu fuq is-sit uffiċjali tal-konsultazzjonijiet pubbliċi sal-25 ta’ April 2025.
Hi allegat li l-Opożizzjoni ma daħlet l-ebda sottomissjoni iżda s-CEO kkonferma li tliet ġimgħat wara li għalqet din il-konsultazzjoni pubblika l-Oppożizzjoni bagħtet email personali liċ-Chairperson Gertrude Buttigieg.
Is-Sedja rat li Graziella Galea kienet bagħtet Gertrude Buttigieg, li hija ċ-Chairperson tal-Malta Council for the Voluntary Sector, rapport dettaljat ta’ sitt faċċati f’email li bagħtet fil-15 ta’ Mejju 2025.
Is-Sedja tinnota li fil-fatt kien hemm sottomissjonijiet minn Graziella Galea li ntbagħtu fil-15 ta’ Mejju 2025. Is-Sedja rat ukoll l-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat 2025-2030 maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-entità Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, liema strateġija ġiet ippubblikata fit-28 ta’ Marzu 2025 u kienet miftuħa sal-25 ta’ April 2025, imbagħad aġġornata l-aħħar fis-26 ta’ Ġunju 2025.
Jidher li s-sottomissjonijiet imressqa minn Graziella Galea li ntbagħtu dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat 2025-2030 daħlu ferm qabel is-26 ta’ Ġunju 2025, għalkemm hemm indikat li kienet miftuħa sal-25 ta’ April 2025. Ċertament anke li kieku Graziella Galea, bħala Membru Parlamentari u mhux parti mill-Eżekuttiv, wieħed jipprova jara jekk kienx hemm żvijar dwar dak li qalet, isib li ma hemm l-ebda żvijar. Tant hu hekk li d-dokument fil-fatt ġie sottomess u anke ġie mressaq lill-istess Kunsill għad-diskussjoni skont Gertrude Buttigieg.


